03/12 - 24 Jan 2012




Ċirulari 3/12

Ċirkulari lill-Istazzjonijiet tar-Radju tal-Komunità

Tibdil fir-Regoli li japplikaw għal Stazzjonijiet tar-Radju tal-Komunità

L-Awtorità tax-Xandir dan l-aħħar iddiskutiet is-sitwazzjoni tar-radjijiet tal-komunità sew dawk li joperaw fuq bażi permanenti kif ukoll dawk temporanji. Ġie deċiż li mill-1 ta’ Marzu 2012, liċenzja ta’ radju tal-komunità permanenti tkun valida għal tliet snin minflok sentejn meta tiġġedded.

L-operaturi tal-istazzjonijiet tal-komunità huma mfakkra li għandhom l-obbligu li tliet xhur qabel ma tiskadi l-liċenzja jridu jerġgħu japplikaw għat-tiġdid tal-istess liċenzja. L-Awtorità tax-Xandir tieħu ħsieb tibgħat nota biex tfakkar lill-operaturi li jkun wasal iż-żmien għat-tiġdid tal-liċenzja, imma sfortunatment, ħafna drabi jiġri li l-operaturi ma jagħtux każ ta’ dawn in-notifiki u jispiċċaw japplikaw għat-tiġdid tal-liċenzja propju ftit ġranet qabel ma din tiskadi. L-Awtorità qed tagħmilha ċara li kemm-il darba operatur idum biex jissottometti l-applikazzjoni tiegħu u l-Awtorità ma tilħaqx tipproċessa din l-applikazzjoni, l-istazzjon ma jkunx jista’ jibqa’ jxandar għaliex jekk jagħmel hekk, ikun bi ksur tal-liġi minħabba li jkun qed jopera mingħajr liċenzja valida.

L-operaturi tal-istazzjonijiet tal-komunità huma obbligati li jimxu mal-klawsoli tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir li jelenka fost oħrajn li:

(i) ix-xandir tal-istazzjon tal-komunità ma jtellifx xi servizz tar-radju li jxandar fuq bażi nazzjonali;

(ii) jkollu aktar qawwa minn dik stabbilita fil-liċenzja. Il-qawwa tax-xandiriet (dak li hu magħruf bħala Effective Radiated Power) hija stabbilita fil-liċenzja wara li jkunu saru t-testijiet tekniċi mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni. F’każ li stazzjon ikun qed ixandar b’aktar qawwa minn dik stabbilita fil-liċenzja ikun qed jikser il-liġi;

(iii) tinżamm kopja tax-xandiriet kollha għal perjodu ta’ 90 ġurnata. Dawn għandhom jinkludu wkoll ir-reklami li jixxandru waqt u bejn il-programmi.

L-operaturi tal-istazzjonijiet tar-radju tal-komunità qed jiġu mfakkra wkoll li reklamar fuq l-istazzjon irid ikun ta’ ażjendi/kumpaniji/individwi li joperaw mill-komunità jew fl-inħawi ta’ fejn jopera dak ir-radju partikolari.

Stazzjonijiet temporanji:

Stazzjon tar-radju tal-komunità temporanju huwa wieħed li jxandar għal perjodu ta’ 30 ġurnata jew anqas. L-Awtorità dejjem tisħaq li liċenzja għal dan it-tip ta’ xandir tingħata biss f’każ li jkun hemm attività fil-lokalità li minnha jkun se jxandar dan l-istazzjon partikulari. Ħafna drabi dawn it-tip ta’ liċenzji jinħarġu fi żmien il-festa tal-lokal, fl-Għid jew fil-Milied jew inkella meta jkun hemm xi attività għall-karità.

Ikun hemm każijiet fejn stazzjon tal-komunità japplika biex ixandar fuq bażi temporanja għal aktar minn darba fis-sena. Il-prassi dejjem kienet li dan l-istazzjon jerġa’ jħallas il-miżata tal-applikazzjoni li hija ta’ €116 kull darba. Mill-1 ta’ Marzu 2012, stazzjon tar-radju temporanju li jkun beħsiebu jxandar aktar minn perjodu ta’ 30 ġurnata fl-istess sena għandu biss iħallas il-miżata tal-applikazzjoni ta’ €116 darba. Naturalment, il-ħlas għal licenzja li huwa ta’ €116 jibqa’ dovut għal kull perjodu ta’ xandir.

Il-klwasoli elenkati mill-Att Dwar ix-Xandir f’din iċ-ċirkulari japplikaw ukoll għall-istazzjonijiet tal-komunità temporanji.

Filwaqt li l-Awtorità tax-Xandir tagħmel l-almu tagħha sabiex, kemm jista’ jkun, stazzjon temporanju li jxandar sena wara sena iżomm l-istess frekwenza, madankollu jista’ jkun il-każ li dan ma jkunx possibbli u f’din l-eventwalità, stazzjon temporanju jista’ jiġi assenjat frekwenza oħra mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni skont il-ħtiġijiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien.

Filwaqt li nittama li dawn it-tibdiliet jgħinu l-operat tagħkom nappellalkom sabiex taderixxu mal-provvedimenti tal-Att Dwar ix-Xandir kif ukoll tassiguraw li kwalunkwe talba għal tiġdid ta’ applikazzjoni tintbagħat fil-ħin u bid-dokumentazzjoni kollha.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
24 ta’ Jannar 2012
Ref 3/91