
Ċirkulari 4/11
Saret użanza f’bosta programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni li preżentaturi jistiednu diversi professjonisti minn oqsma differenti tas-saħħa sabiex jiġu diskussi ħafna temi relatati ma’ dan il-qasam.
Niġbdilkom l-attenzjoni għal Avviż Legali 350.30 Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika fuq Programmi li jinvolvu l-Parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet Dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li japplikaw għal Prodotti u Trattamenti Mediċinali. Dan l-Avviż Legali huwa pjuttost estensiv u jelenka r-responsabbiltajiet li għandhom ix-xandara meta jagħżlu li jittrattaw temi li jikkonċernaw materji mediċi.
Paragrafu 14.4 jisħaq li persuni li m’humiex reġistrati jew mogħtija warrant mill-Kunsill Mediku, il-Kunsill tal-Ispiżjara, il-Kunsill għall-Infermiera u l-Qbiela, jew il-Kunsill għall-Professjonijiet li jikkumplimentaw il-Mediċina ma jistgħux jagħtu pariri fuq il-mezzi tax-xandir fuq dawk is-suġġetti li jaqgħu taħt il-qasam tal-professjonisti reġistrati jew mogħtija warrant mill-kunsilli msemmija. Għal finijiet ta’ kjarifika, qed ninkludi l-professjonijiet li jaqgħu taħt it-Tielet Skeda tal-Att Dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa. Il-professjonijiet kumplimentari għall-mediċina huma:
| aġupuntura | acupuncture |
| djetetika | dietetics |
| fiżjoterapija | physiotherapy |
| iġjene dentali | dental hygiene |
| kiroprattika | chiropractic |
| nutrizzjoni | nutrition |
| optometrija | optometry |
| ortoptika | orthoptics |
| ostjopatija | osteopathy |
| patoloġija fil-lingwa mitkellma | speech language pathology |
| perfusjoni klinika | clinical perfusion |
| podjatrija | podiatry |
| psikoterapija | psychotherapy |
| radjografija | radiography |
| saħħa ambjentali | environmental health |
| teknoloġija dentali | dental technology |
| terapija okkupazzjonali | occupational therapy |
| xjenza medika fil-laboratorju | medical laboratory science |
Għalhekk, f’każ li xi ħadd li jipprattika waħda minn dawn il-professjonijiet elenkati hawn fuq jiġi/tiġi mistieden/na fi programm, għandu jiġi aċċertat li din il-persuna hija reġistrata mal-Kunsill għall-Professjonijiet li Jikkumplimentaw il-Mediċina. F’każ li persuna ma tkunx reġistrata mal-Kunsill ma tkunx tista’ tieħu sehem fil-programm u tagħti pariri lis-semmiegħa/telespettaturi dwar dak il-qasam partikolari tas-saħħa. Inħeġġiġkom biex timxu ma’ dawn ir-regolamenti ħalli ma jkollix għaliex nipproċedi b’akkuża.
| Pierre Cassar | 4 ta’ Marzu 2011 |
| Kap Eżekuttiv | Ref 38/05 |