11/11 - 20 Oct 2011




Ċirkulari 11/11

Issa li bdiet skeda ġdida u ilna diversi xhur bil-provvedimenti dwar il-product placement jew kif it-test tal-liġi jirreferi għalih “tqegħid tal-prodott”, l-Awtorità tax-Xandir, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, tħoss li għandu jkun hemm bidla fit-terminoloġija użata sabiex ngħinu aħjar lit-telespettaturi jifhmu xi tfisser din il-frażi. Għalhekk ġie deċiż li, minflok il-kliem “Dan il-programm għandu t-tqegħid tal-prodott”, l-istazzjonijiet jużaw il-frażi:

“F’dan il-programm jidhru xi prodotti kummerċjali.”

Importanti li din il-frażi mhux biss tidher fuq l-iscreens, iżda tinqara wkoll. Jien tal-fehma li wasal iż-żmien li bil-mod il-mod indaħħlu l-kunċett ta’ simbolu biex it-telespettaturi jagħrfu li hemm prodotti kummerċjali murija fil-programm. Wara kollox, il-liġi titlob li kull meta jkun hemm waqfa għar-reklami u l-programm ikollu t-tqegħid tal-prodott, it-telespettaturi jkunu mgħarrfa b’dan. S’issa l-Awtorità tax-Xandir insistiet li dan l-avviż isir qabel kull programm u għalissa se nibqgħu b’din il-prassi, sakemm l-Awtorità toħroġ direttivi oħra.

Mehmuż ukoll ma’ din iċ-ċirkulari għandkom issibu lista ta’ terminoloġija ta’ titli televiżivi bil-Malti li tħejjiet mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. L-Awtorità qed tħeġġeġ lil kull stazzjon tat-televiżjoni (u tar-radju, fejn japplika) sabiex jibda juża din it-terminoloġija. Infakkarkom fil-provvedimenti tal-Avviż Legali 180 tal-2010, dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti fil-Mezzi tax-Xandir, fejn insibu li:

“Hi r-responsabbiltà ta’ kull stazzjon tax-xandir li jxandar programmi bl-ilsien Malti li …… (b) isegwi r-regoli u d-direttivi li joħorġu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti f’dak li hu t-tħaddim tal-ilsien Malti.”

Għalhekk huwa fl-interess ta’ kulħadd li jibdew jintużaw dawn it-titli fil-bidu jew fit-tmiem ta’ kull programm. Huwa ferm importanti li kull stazzjon jgħaddi kopja ta’ dawn it-titli lil KULL membru tal-produzzjoni jew kumpaniji li jaħdmu mal-istazzjon tagħkom. Kif tafu, ftit tax-xhur ilu, l-Awtorità kienet saħansitra organizzat seminar ta’ nofstanhar flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti dwar l-użu tajjeb tal-lingwa Maltija fil-mezzi tax-xandir.

L-Awtorità tagħmilha ċara li se tibqa’ tgħasses l-istazzjonijiet lokali biex kemm jista’ jkun il-Malti li jintuża jkun tajjeb. Kull stazzjon għandu jagħmel l-almu tiegħu biex dawn ir-regolamenti jitħarsu fil-programmi kollha, iżda b’mod speċjali fil-bullettini tal-aħbarijiet u l-programmi tat-tfal.

Infakkarkom ukoll li kont iċċirkulajt lista bl-ismijiet tal-bliet u l-irħula Maltin. Issa li reġgħet bdiet skeda ġdida, qed nerġa’ nehmeż kopja ta’ dawn l-ismijiet bit-tama li kull stazzjon jibda juża l-ismijiet tal-lokalitajiet sħaħ, kif suppost. Għalkemm fil-lista ssibu l-ismijiet uffiċjali Paola, Marsaskala u Fontana, ikkonfermajt mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti li huwa tajjeb li wieħed juża Raħal Ġdid, Wied il-Għajn u t-Triq tal-Għajn meta ssir referenza għal dawn it-tliet lokalitajiet, minħabba li dawn huma l-ismijiet li jintużaw l-aktar mill-pubbliku.

Mill-ġdid, nittama u nawgura li tabilħaqq naraw titjib fl-użu tal-Malti fuq il-mezzi tax-xandir. Jidher li hawn kunsens li dan għandu jsir. Issa wasal iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti u nibdew nintroduċu dawk it-tibdiliet, żgħar kemm huma żgħar, li jkunu xhieda li verament irridu ntejbu l-użu tal-Malti miktub u mitkellem fuq ix-xandir.

Nistenna l-għajnuna u l-kooperazzjoni tagħkom f’dan il-qasam.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
20 t’Ottubru 2011
Ref 73/01