13/17 - 22 Dec 2017




Ċirkulari 13/17

Ċirkulari lill-Istazzjonijiet tax-Xandir

Maratoni ta’ Ġbir ta’ Fondi

Minħabba li l-Awtorità tax-Xandir qed tinnota żieda fit-trasmissjonijiet ta’ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi fuq il-mezzi tax-xandir, ħasset il-ħtieġa li tfakkar lill-istazzjonijiet li hemm numru ta’ leġislazzjonijiet sussidjarji li jirregolaw dan it-tip ta’ kontenut li lkoll jiffurmaw parti minn dawn it-trasmissjonijiet.

Numru tal-Permess jew VO number
L-Awtorità tax-Xandir tfakkar li f’kull maratona ta’ ġbir pubbliku għandu jintwera n-numru tal-permess maħruġ mill-Kummissarju tal-Pulizija jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-Għaqda Volontarja, u dan kif inhu mitlub fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.31 – Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direzzjonijiet dwar Kollezzjonijiet Pubbliċi fuq il-Mezzi tax-Xandir. Dan in-numru jrid jidher b’mod ċar matul il-maratona kollha f’każ ta’ ġbir ta’ fondi permezz tat-televiżjoni. F’każ li l-maratona ġbir ta’ fondi tkun qed tixxandar fuq ir-radju, dan għandu jinqara. Infakkar li anki dwar il-mod kif dawn is-sottotitli għandhom jidhru, l-istazzjon irid jaderixxi mal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.20 – Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar Sottotitli u Titli Oħrajn fil-Programmi Televiżivi.

Nies vulnerabbli jew minuri waqt il-maratoni
L-Awtorità tagħraf ukoll li ħafna drabi dawn il-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi jsiru għall-persuni vulnerabbli u minuri li jkollhom xi kundizzjoni jew ikunu għaddejjin minn xi diffikultajiet f’ħajjithom. F’dawn il-maratoni, in-nies vulnerabbli u l-minuri jiġu esposti kemm waqt ix-xandira live, kif ukoll fi clips li jkunu rrekordjati minn qabel u li iżda jintwerew matul ix-xandira. Għaldaqstant, jinħass aktar il-bżonn li l-istazzjonijiet jaderixxu mal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 – Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir, u jaraw li l-media reports hekk kif mitluba minn din il-Leġislazzjoni Sussidjarja jsiru kif suppost u jgħaddu għand l-Awtorità qabel ix-xandira tal-maratona hekk kif titlob il-liġi.

Tibdil fl-iskeda biex tixxandar maratona
Permezz ta’ din iċ-ċirkulari qed tinġibed l-attenzjoni wkoll li meta maratona tiġi inkluża fit-trasmissjoni u għalhekk ikun hemm tibdil fl-iskeda, l-Awtorità għandha tiġi mgħarrfa sa ħmistax-il ġurnata qabel il-ġurnata li fiha se tkun qed tixxandar il-maratona. Infakkrek li l-istazzjonijiet huma obbligati li jgħaddu kull informazzjoni li tintalab lill-Awtorità u dan skont Artiklu 23(5) tal-Att dwar ix-Xandir. 
L-istazzjon li jkun qiegħed jikkoordina mal-organizzaturi x-xandira tal-maratona għandu jgħarraf b’dan lill-Awtorità tax-Xandir bil-għan li tkun taf ma’ min għandha tikkomunika f’każ ta’ ħtieġa.

Ripetizzjonijiet ta’ maratona (Repeats)
L-Awtorità tax-Xandir qed titlob ukoll li t-trasmissjoni ta’ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi ma tistax tiġi ripetuta. Trasmissjoni ta’ maratona għandha tixxandar darba biss, jiġifieri dakinhar ta’ meta jkun qed isir l-avveniment ta’ ġbir ta’ fondi.

Reklamar waqt il-maratoni
Niġbed l-attenzjoni ukoll li l-provvedimenti ta’ reklamar hekk kif indikati fit-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir għandhom jiġu imħarsa wkoll, anki fi trasmissjonijiet bħalma huma maratoni ta’ ġbir ta’ fondi.

Kontenut ieħor fil-maratoni
Dan l-aħħar l-Awtorità nnutat ukoll li t-total ta’ kemm kienu qed jinġabru fondi ma kienx qed jiġi mxandar matul it-trasmissjoni tal-maratona. L-Awtorità tħoss li dan huwa nuqqas ta’ kwalità, aktar u aktar għaliex l-ammont ta’ flus li jinġabru huma l-parti essenzjali u bażika ta’ maratona ta’ ġbir ta’ fondi, daqs kemm huma essenzjali n-numri tat-telefon biex wieħed jagħti donazzjoni. Għaldaqstant, it-total għandu dejjem jidher matul it-trasmissjoni tal-maratona.

Dr Joanna Spiteri 
Kap Eżekuttiv
22 ta’ Diċembru 2017
Ref 45/08