19/08 - 26May2008




Reġistrazzjoni ta’ Intervisti bit-Telefon fl-Aħbarijiet

Nirreferi għaċ-ċirkolari tal-Kap Eżekuttiv numru 49/07, speċifikament għat-tieni parti, li qed tiġi riprodotta aktar ‘l isfel, u li tirreferi u tinterpreta paragrafu 13.1.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 li japplikaw għal Bulettini ta’ l-Aħbarijiet ul-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti.

“Dwar il-paragrafu 13.1.1 ta’ l-istess Ħtiġijiet li jirrikjedu lix-xandar biex ixandar dik il-parti ta’ l-intervista fejn ikun talab il-kunsens ta’ min se jkun intervistat biex jirrekordja l-intervista, l-Awtorita' tifhem li kif inhi din id-disposizzjoni jista’ jkollok il-kaz fejn ikun hemm bżonn li din tixxandar għal numru ta’ drabi waqt l-istess bullettin u li għalhekk din tista’ ttellef mill-istil mexxej ta’ l-aħbarijiet. L-Awtorita' għalhekk tixtieq tippreċiża li din il-ħtieġa tista' ma ssirx biss f’dak il-każ fejn l-istazzjon iżomm ir-recording ta’ dik l-intervista għal perijodu ta’ tliet xhur mid-data li fiha tkun ixxandret l-intervista jew parti minnha. F’dawn it-tliet xhur il-Kap Esekuttiv ta’ l-Awtorita' jkollu d-dritt li jitlob lill-istazzjon biex jibgħat it-tape ta’ l-intervista ħalli dak it-tape jiġi vverifikat u, jekk ikun il-każ, li jittieħdu l-passi opportuni f’kaz ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Ħtiġijiet hawn fuq imsemmija fil-paragrafu 13.1.1. u f’din l-interpretazzjoni.”

In vista ta’ din l-interpretazzjoni, l-istazzjonijiet qed jiġu mitluba jiddepositaw fl-uffiċċju ta’ l-Awtorita’ kopja tar-reġistrazzjoni ta’ l-intervisti kollha li saru matul ix-xhur April u Mejju 2008, inkluż u b’mod partikolari dawk il-partijiet fejn ikun intalab il-kunsens ta’ min ġie intervistat biex tiġi irreġistrata l-intervista.  Dawn ir-reġistrazzjonijiet għandhom jaslu għand l-Awtorita’ sa mhux aktar tard minn nhar il-Gimgħa 6 ta’ Ġunju, 2008.

Dr Simon Manicolo
Kap Dipartiment tal-Monitoring
26 ta’ Mejju, 2008