21/08 - 02May2008




Rapport dwar Drama Imxandra fuq l-Istazzjonijiet Lokali

Id-Dipartiment tal-Monitoring ħejja rapport analitiku dwar il-programmi ta’ drama li xxandru fuq l-istazzjonijiet lokali fil-perijodu Jannar sa April 2008. Dan ir-rapport jirrifletti l-veduti tal-persuni li kitbuh u mhux neċessarjament ta’ l-Awtorita' tax-Xandir.

Madankollu, peress li dan jista’ jservi ta’ feedback għal dawk l-istazzjonijiet u produtturi indipendenti li jipproduċu dan il-ġeneru ta’ programm, l-Awtorita' ddeċidiet li tiċċirkola dan ir-rapport intern lill-istazzjonijiet.

Dr Kevin Aquilina
Kap Esekuttiv
2 ta’ Ġunju 2008
Ref 8/99


Rapport dwar drama imxandra fuq l-istazzjonijiet lokali

Dan ir-rapport ġie mħejji sabiex jitfa’ dawl fuq il-livell ta’ kwalità fil-programmi li jaqgħu taħt il-kappa ta’ ‘Drama Lokali’. Il-programmi li ġew immoniterjati fil-perjodu bejn Jannar 2008 – April 2008 kienu jinkludu Intriċċi, Kristu tal-Kerrejja, Santa Monika, It-Tmien Nota, Gizelle, Marvin, Dejjem Tiegħek Becky, Min hu bla ħtija (ara lista annessa Appendiċi 1).

Riflessjoni fuq il-livell ta’ kwalità:

Kwalita’ fil-programmi ta’ dan il-ġeneru (drama lokali) timplika diversi fatturi li qajla jinstabu f’dawn il-produzzjonijiet. Għalkemm sar sforz u titjib, wieħed ma jistgħax ma jinnotax li l-livell ta’ kwalità tal-programmi, b’mod partikolari fejn tidħol drama, għadu pjuttost delettantesk u kemmxejn medjokri.

Patronanza, kontradizzjonijiet u superfiċjalita’ fejn jidħlu ċertu temi:

Din in-nuqqas ta’ professjonalità toħroġ biċ-ċar mill-istejjer preżentati in ġenerali u anke mill-iscript. Jinħass li produzzjonijiet bħal ‘Dejjem tiegħek Becky’, ‘Intriċċi’ u ‘Min hu bla Ħtija’ jieħdu l-libertà li jinterpretaw in-narrativa tagħhom stess b’riżultat li mhux qed jagħtu ċans lil udjenza biex tkun kritika u kreattiva.

Mid-direzzjoni artistika ta’ ‘Gizelle’ u qablu ‘Għada jisbaħ ukoll’, joħroġ biċ-ċar li djar tal-produzzjoni esprimew stil ta’ direzzjoni li rriżulta f’miljorament fil-forma u kontenut. Jinħass li dawn iż-żewġt sensiliet immarkaw bidla kemm f’kontenut u kif ukoll f’livell ta’ kwalita’. Tajjeb ukoll li f’dan il-kuntest ikun hawn spazju għal riflessjoni u kritika. Għalkemm produzzjoni bħal ‘Gizelle’ hija relattivament ta’ kwalità, jinħass li xi drabi, xi episodji kienu xi ftit imġebbdin.

Sensiela bħal ‘Dejjem tiegħek Becky’ timpjega r-rwol ta’ drama bħala mezz didattiku. ‘Dejjem tiegħek Becky’ irid jimxi maż-żmien u jħaddan valuri inklussivi, iżda jinħass li hemm ċertu superfiċjalità meta jiġu affrontati ċerti suġġetti, eżempju l-omosesswalità, ċertu problemi soċjali bħal vjolenża domestika u s-suġġett tal-promiskwità. Jinħass li din is-sensiela trid tnissel ċertu valuri b’mod patronizzanti ħafna, li jinħassu li ntilfu, u xi drabi tiffoka fuq sterjotipi biex iġġib diversi eżempji.

Bħala eżempju wieħed jista’ jsemmi illi fiċ-ċentru ta’ l-istorja f’episodju partikolari kien hemm familja b’ċerti problemi soċjali. Hawnhekk il-baċir tat-Tarzna kien jidher fl-isfond waqt djalogu bejn membri ta’ din il-familja. Għalkemm jinħass li dan kien maħsub biex jindika li f’dik il-parti ta’ Malta teżisti prevalenza ta’ familji bi problemi soċjali, u minkejja li minn naħa tal-produttriċi kien hemm sforz ġenwin sabiex tinkludi żona partikolari f’Malta, ma jistgħax wieħed ma jinnotax illi f’istess ħin sterjotip ta’ faqar soċio-ekonomiku, sinonimu ma’ dawn in-naħat ġie imsaħħaħ.

Il-kwistjoni ta’ l-omosesswalita hija suġġett għall-qalb diversi djar tal-produzzjoni lokali. Għalkemm huwa tajjeb li dan is-suġġett jiġi affrontat, jinħass li hemm enfasi eċċessiva fuq l-orjentazzjoni nnifisha, b’riżultat li din l-attenzjoni kollha tista’ xi kultant tinforza d-differenza li l-omosesswali jista’/tista’ jħoss. Suġġett bħal dan għandu jiġi trattat b’mod fattwali u b’inqas ‘melodrama’!

Punt ieħor li ħareġ min dan l-eżerċizju huwa li hemm riluttanza fejn jidħlu suġġetti ‘jaħarqu’. Jinħass li hemm biża minn naħa tad-djar tal-produzzjoni biex jaffrontaw dawn il-fenomini soċjali bħal per eżempju divorzju, abort eċċ..; u għalkemm jidher li hemm sforz ġenwin biex il-produzzjonijiet ikattru valuri ta’ inkluzjoni jinħass li ħafna drabi jispiċċaw jaċċentwaw aspetti tradizzjonali. Għada ma daħlitx id-drawa fid-drama televisiva lokali li jkun hemm tmiem mhux konklussiv! Tmiem aktar miftuħ għall-immaġinazzjoni u l-interpretazzjoni.

Relatat ma’ dan wieħed jinnota wkoll illi fix-xena tad-drama televiżiva lokali, wara ġrajja li tippreżenta xi tip ta’ problema jkun hemm tmiem seren u pożittiv. Fis-sensiela Marvin il-produzzjoni ipprovat tmur kontra din it-tendenza billi tkisser l-illużjoni li kollox ikollu tmiem feliċi. Jinħass illi l-produtturi oħrajn għandhom jimitaw dan l-istil u jikkunsidraw aktar bis-serjeta’ tmiem ta’ serje b’dan il-mod?

Realiżmu:

Jinħass li l-kwistjoni tar-rejaliżmu li kien diskuss fir-rapport dwar il-kwalità fil-programmi ta’ Ernest & Young ma kienitx ġiet eżawrita. Is-suġġett bid-dimensjonijiet kollha tiegħu fadallu fejn jiġi aktar esplorat. Biż-żejjed ngħidu li definizzjoni ċara ta’ dan il-kunċett baqgħet ma ngħatatx. Meta nittrattaw dan is-suġġett tajjeb li nistaqsu l-mistoqsija: realiżmu vis-à-vis xiex? Per eżempju jekk xi sensiela qed titratta l-ħajja ta’ l-omosesswali, kemm ikun ġustifikat li l-attur ikun omosesswali fil-ħajja privata tiegħu/tagħha? Il-versimilitudni ta’ l-atmosfera tikkontradixxi l-aspettativi tat-telespettaturi. Għalhekk il-produzzjoni tkun xi ftit artifiċjali f’dan ir-rigward.

l-użu tal-lingwa f’ċertu kuntesti jista joħloq interferenża fir-ritmu tad-drama b’hekk jimmanifestaw ruħhom ‘clichés’ u l-produzzjoni tiżloq fin-niexef meta jkun hemm sforz għal riflessjoni serja.

Anakroniżmu jew riflessjoni serja fuq il-ħajja kontemporanja:

Nemmnu li jkun iktar għaqli li kieku l-kritika tkun ta’ natura kostruttiva. It-telespettaturi immaturaw u mxew maż-żminijiet rispettivament u relativament. Għandna niftakru fil-produzzjoni oriġinali tas-sensiela ‘L-Madonna taċ-Ċoqqa’ u l-kontroversja li din qajmet…id-dram teatrali ‘Sulari fuq Strada Stretta’ u kif dan reġa’ ttella tletin sena wara mingħajr ċensura. Iżda tajjeb jekk nirriflettu u nistaqsu jekk is-suġġetti affrontati għandhomx valur illum? Bħala poplu mmaturajna biż-żejjed jew is-suġġetti li qed nikkonfrontaw huma anakronistiċi? Jinħass li din għandha tkun il-preokkupazzjoni wara sensiela ta’ drama televiżiva, jekk inħossu li d-drama għandha tkun didattika. Il-kunċett tad-drama (kemm fuq it-televisjoni u kemm fuq il-palk) irid ikun miftuħ għal iżjed djalogu u suġġestivita’ u t–telespettaturi / udjenża trid tkun iżjed assertiva informata u iffurmata.

Dan mhux kollox. Biex drama televiżiva tagħmel suċċess u tkun ta’ kwalita jrid ikun hemm riċerka serja u l-producers għandhom jistudjaw aktar fil-fond primarjament il-popolazzjoni li tkun fil-mira, kif ukoll ir-rejaltajiet tal-mument.

Il-produzzjoni ta’ ‘Gizelle’ fetħet bibien ġodda għal drama televisiva lokali u tgħat opportunita biex uċuħ ġodda jagħtu semhom bl’idejat u l-viżjoni tagħhom. Ma dan kollu, għalkemm il-kontenunt ma jinħassx li huwa reċliklat, xi drabi din is-sensiela kienet xi ftit imġebbda u xi ftit mill-atturi, f’xi drabi jinqabdu jisfurzaw biex jivverbalizzaw rwieħhom.

Nuqqas ta’ sottilezza:

Drama televiżiva bħal ‘Intriċċi’ hija kemm xejn fqira u superfiċjali kemm fil-kontenut u kif ukoll fil-kitba. Hemm nuqqas ta’ sottilezza – impliċita’ –  li tagħti spazju għal riflessjoni. Ma dan kollu tajjeb li nistaqsu: Jekk ikun hemm iżjed sottilezza jista jgħati l-każ li t-telespettaturi ma jindunawx b’ċertu affarjiet? X’iridu t-telespettaturi li l-bajtra taqa’ f’ħalqom,  u li jikkunsmaw drama televisiva bħal ma jikkunsmaw  ikla? Jinħass li hemm nuqqas ta’ riċerka minn - naħa tad-djar tal-produzzjoni u d-diskors għandu jkun verbalizzat b’mod iżjed impliċitu.

Il-mużika wkoll hija fattur importanti ħafna fil-kuntest ta’ drama. Is-Sekwenza mużikali tista’ tissuġġerixxi burdata partikolari iżda fil-programm ‘Intriċċi’ din tiġi manipulata biex twassal it-telespettaturi għal interpretazzjoni waħda - ma hemmx spazju għal spettru uwsa. Jinħass li hija sitwazzjoni ta’ ‘jew nejja, jew maħruqa’.

Rikorrenza qawwija ta’ l-istess tema u modi:

Qabel il-qawmien letterarju l-poeżija u l-proża Maltija kienet dominata mis-suġġett tar-reliġjon. Kemm il-poeżija u kif ukoll il-proża esplorat territorju ġdid. Jinħass li f’xi produzzjonijiet dan mhux il-każ. Produzzjonijiet lokali huma avventurużi sakemm jistabilixxu ruħhom. Id-dar tal-produzzjoni 26th Frame huwa eżempju ċar ta’ dan. Għalkemm din id-dar tal-produzzjoni għandha materjal ta’ kwalita’, jinħass li hemm ħafna mill-istess. Hemm ripetizzjoni ta’ kif dawn jaħdmu fuq ‘camera shots.’

Jekk wieħed jara u jipprova jqabbel il-produzzjonijiet li ġew maħduma sa issa, wieħed jintebaħ b’timbru artistiku pero ma hemmx progressjoni minn programmi bħal ‘Il-lejl it-Tajjeb’, ‘Pupi’ u ‘Kristu tal-kerrejja’. It-26th frame qishom qabdu ma’ formula u fuq bażi ta’ l-istess formula. Jinħass li għalkemm dan huwa pass importanti jista’ jkun kontroproduċenti, għaliex il-prodott dejjem ser ikollu l-istess ikonografija u montatura.

‘Kristu tal-Kerrejja’ huwa ambjentat fis-sittinijiet. Din is-sensiela tirrigwardja l-preokkupazzjoni ta’ qassis żagħżugħ li huwa ttormentat bid-dubbju tal-eżistenza ta’ Alla. Ir-reċtar huwa kemm xejn mexxej u l-‘camera shots’ huma aestetikament interessanti iżda kif ingħad qabel hemm ħafna  mill-istess. Xi kritika oħra mmirata lejn din is-sensiela, hi li bħal Marvin il-karattru prinċipali huwa kemm xejn eżaġerat; ovvjament il-kuntest tan-narrattiva titlob dan, iżda jinħass li għandu jkun hemm iżjed ħsieb u inqas espliċita’ fil-konfront tas-sensiela. Hemm kritika ġustifikata lejn is-soċjeta ċivili u kif din ma tifhimx u saħansitra tikkundanna dak li jista’ joħloq dubbju. Toħroġ biċ-ċar ċertu ipokrezija hekk imsejħa Kristjana li tabbina ruħa mal-klassi tan-nofs, li hija ossessjonata biex iżomm l-apparenza akkost ta’ u fuq kollox.

Id-diskors ta’ l-iskript huwa kongruenti mas-sekwenzi tas-sensiela iżda xi kultant ċertu azzjonijiet mhumiex daqshekk kredibli. Il-biki huwa kemmxejn sfurzat u l-fattizzi jew il-manjieri (non-verbals) jikkontradixxu dak li jkunu qed jingħad mill-atturi nfushom.

Irregolaritajiet u ksur tal-liġi:

Għal dawk li huma irregolaritajiet, irridu ngħidu li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-produzzjonijiet ikkonċernati naqsu milli jħarsu paragrafu 3.1(vi) tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 dwar Wiri u Smigħ ta’ Programmi għall – Familja. Dan il-paragrafu jisħaq li fi programm televiżiv iċ-ċertifikat tal-programm irid ikun fejn jidher għal matul l-ewwel tletin (30) sekonda malli jerġa’  jibda jixxandar jew kulmeta jerġa’ jibda l-programm wara kull intervall. Dan il-ksur kien konsistenti fil-episodju tas-sensiela Marvin ta’ 3 ta’ Jannar 2008 u t-2 ta’ April 2008. Eżempju ieħor li jista jkun ikkwotat huwa mis-sensiela ‘Gizelle’ ta’ 18 ta’ Marzu 2008 li kien konsistenti ma’ dan il-paragrafu. Ma dan kollu, il-wiri taċ-ċertifikati fil-programmi li ġew immoniterjati kienet l-eċċezzjoni aktar milli n-norma.

Ksur ieħor li ltqajna miegħu tul dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ tad-drama televiżiv lokali, għandu x’jaqsam ma’ reklamar b’ħabi. Jidher ċar, ta’ l-inqas minn xi edizzjonijiet partikolari, illi l-influwenza ta’ l-isponsors qiegħda hemm; dan ikun b’vantaġġ kummerċjali għal varji sponsors involuti filwaqt li jkun impertinenti fil-konfront tat-telespettaturi.

Fil-episodju tas-sensiela ‘Min Hu bla Ħtija’ ta’ 3 April 2008, kien hemm iffukar fuq il-lukanda ‘Radisson SAS’. Kien hemm każ simili fil-episodju ta’ ‘Marvin’ ta’ 2 April 2008, meta f’xena partikolari intweriet faċċata ta’ ħanut - ‘BulkHead’. Eżempju ieħor seħħ f’episodju li xxandar fit-3 ta’ Jannar 2008 meta kien hemm inkwadjatura fuq ċellulari tad-ditta ‘Motorola’ (Marvin).

F’Giżelle ta’ 8 ta’ April 2008 kien hemm l-istess irregolarita’ meta kien hemm inkwadratura fuq ċinturin tad-ditta ‘Levis’. Jinħass li l-każijiet kollha setgħu ġew evitati bl-aktar mod faċli. Għaldaqstant dan l-aġir jirriżulta’ fi ksur ta’ paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.

Konklużjoni:

Għalkemm ma jkunx ta’ benefiċċju jekk wieħed jinnega l-fatt li kien hemm miljorament fil-produzzjonijiet tad-drama lokali, wieħed ikun inġenwu jekk jaħseb li nqerdet il-medjokrita f’dan il-qasam. Huwa minnu li lokalment is-suq hu drastikament żgħir u għal kull għadma mhux mitt kelb hawn…iżda din tkun wisq fqira bħala skuża.

Kull min għandu x’jaqsam max-xandir lokali għandu jkun/tkun imħarreg sewwa fix-xandir, sabiex ikun jista’ joffri prodott ta’ ċerta kwalita’. Il-persuna ikkonċernata jrid ikollha diversi pri-rekwiżiti, liema pri-rekwiżiti f’dan il-kuntest, għandhom joħolqu prodott li jiddeverti, u jistimula l-immaġinazzjoni u l-ħsieb tat-telespettatur. Permezz ta’ dan nemmnu li jista’ jinkiseb livell aċċettabli ta’ professjonalita u possibilment ukoll, jissaħħaħ l-element ta’ kompettitivita’ f’dan il-qasam ta’ xandir.

Fl-aħħar wieħed jissuġerixxi illi minflok jiġu ikkopjati stili ta’ xandir li jkunu ħadmu barra minn xtutna, għandna nistudjaw aktar fil-fond il-popolazzjoni Maltija, kif ukoll il-bidla soċjali li sseħħ kontiwament sabiex tkun tista titfassal tip ta’ trassmissjoni aktar addattata u kongruwenti mat-telespettaturi.

Il-livell irid jogħla jekk jippretendu serjetà u professjonalità. Bħalissa dak li qed jiġi offrut huwa ‘old wine in new bottles'.


Appendiċi 1: Episodji ta’ Sensiliet Lokali li ġew Immoniterjati għall-finijiet ta’ dan l-Eżerċizzju.

Intriċċi   Min hu bla ħtija   Il-Kristu tal-Kerrejja
30-03-08
13-04-08
06-04-08
03-04-08
10-04-08
17-04-08
15-04-08
22-04-08
29-04-08
Gizelle Dejjem Tiegħek Becky Santa Monika
18-03-08
25-03-08
08-04-08
15-04-08
06-04-08
19-04-08 (repeat)
20-04-08
17-03-08
24-03-08
31-03-08
07-04-08
Marvin It-Tmien Nota
17-01-08
24-01-08
31-01-08
16-03-08
23-03-08
30-03-08
02-04-08
12-02-08
19-02-08
26-02-08
11-03-08
18-03-08