40/08 - 19Sep2008




Interpretazzjoni ta’ l-Artikli 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir dwar Nuqqas ta’ Separazzjoni u Reklamar b’Ħabi

L-Awtorita' tax-Xandir kienet u għadha preokkupata bl-ammont sostanzjali ta’ akkużi li jidhru quddiemha dwar ksur tal-provvedimenti ta’ l-artikli 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir. L-imsemmi artiklu 4 jagħmilha ċara li:

“Ir-reklamar u t-teleshopping għandhom ikunu distingwibbli b’mod ċar bħala tali u jinżammu separati sew mill-partijiet l-oħra tas-servizz tal-programm b’mezzi ottiċi jew akustiċi. Reklami isolati u teleshopping spots ikunu biss l-eċċezzjoni.”

Artiklu 9 jipprovdi li:

“Għandu jkun projbit reklamar b’ingann.”

Ftit tax-xhur ilu, l-Awtorita' kienet ħasset il-bżonn li tagħti spjegazzjoni ta’ kif kienet bi ħsiebha tinterpreta dawn il-provvedimenti u għalhekk il-Kap Esekuttiv ta’ l-Awtorita', fl-10 ta’ Diċembru 2007, kien ħareġ ċirkulari 57/07 lill-istazzjonijiet kollha. Din iċ-ċirkulari sfortunatament ma kellhiex l-effett meħtieġ u għalhekk l-Awtorita' issa qed tagħti interpretazzjoni aktar komprensiva kif jidher hawn taħt. Din l-interpretazzjoni qed tingħata mingħajr preġudizzju għall-provvedimenti ġenerali li jidhru taħt l-imsemmija artikli 4 u 9.

(i)  Min jiġi mistieden sabiex jipparteċipa f’parti informattiva ta’ programm ma tistax tkun persuna li b’xi mod tkun assoċjata ma’ l-entita’ li tkun qed tisponsorja l-programm jew xi rokna tal-programm, jew li tkun qed tirreklama f’dak il-programm. Għal dan il-għan, l-Awtorita' bi ħsiebha tagħti interpretazzjoni wiesgħa ta’ x’jikkostitwixxi ‘parti informattiva tal-programm’. Per eżempju, rokna ta’ programm dwar tisjir ta’ ikel titqies bħala parti informattiva;

(ii)  Preżentatur ta’ programm ma jistax jieħu parti f’reklam li jkun qed jippromovi prodott jew servizz ta’ l-istess ġeneru li jkun ġie ittrattat fil-parti informattiva tal-programm. B’danakollu, il-preżentatur jista’ jidher, anki waqt l-istess programm, f’reklami li jkunu qed jippromovu xi ġeneru ieħor ta’ prodott jew servizz;

(iii)  Is-sett li jintuża fir-rokna informattiva m’għandux ikun is-sett li jintuża fir-reklam li jixxandar wara li tispiċċa r-rokna informattiva;

(iv)  Il-prodott jew servizz li jiġi reklamat immedjatament wara li tispiċċa r-rokna informattiva u fl-ewwel batch ta’ reklami m’għandux ikun l-istess prodott jew servizz imsemmi fir-rokna informattiva;

(v)  Fir-reklam ma tistax issir referenza għall-prodotti jew servizzi li jkunu ntwerew fir-rokna informattiva;

(vi)  Fir-rokna informattiva ma tistax issir referenza għall-prodotti jew servizzi li jkunu se jissemmew fir-reklami li jsegwu dik ir-rokna;

(vii)  Il-parti reklamatorja għandha tkun rekordjata minn qabel;

(viii) Ikun hemm ġrajjiet li, għalkemm ikunu jinvolvu entitajiet ta’ natura kummerċjali, ikollhom ukoll valur t’aħbar. L-Awtorita'  ma jkollha l-ebda diffikulta’ li dawn il-ġrajjiet jiġu nklużi f’bullettini ta’ l-aħbarijiet u dana sakemm il-preżentazzjoni ta’ l-aħbar tkun saret b’mod informattiv u mhux bi skop reklamatorju. F’dan ir-rigward issir referenza għal paragrafu 11 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li japplikaw għal Bullettini ta’ l-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti, Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14. Iżda, l-inklużjoni ta’ ġrajjiet bħal dawn fi programmi ta’ diskussjoni jew ta’ ġrajjiet kurrenti x’aktarx li jkollha skop aktar reklamatorju milli informattiv u għalhekk f’dan il-kaz l-Awtorita' tqis li dan ikun qed jikser il-provvedimenti ta’ l-imsemmija artikli 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir.

Il-paragrafu (1) ta’ din l-interpretazzjoni se jiġi fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009 filwaqt li l-kumplament tal-paragrafi l-oħra huma reproduzzjoni ta’ ċirkulari 57/07 tal-10 ta’ Diċembru 2007 u li għadhom u se jibqgħu fis-seħħ.


Dr Kevin Aquilina    
Chief Executive
19 ta’ Settembru 2008
Ref 17/62