
Ċirkulari 14/01
Għoti ta’ Dettalji tal-Persuna li tkun tat Organi għal Fini ta’ Trapjant
L-Awtorità ddiskutiet monitoring report dwar item fl-aħbarijiet fuq stazzjon tar-radju lokali fejn ixxandru dettalji ta’ persuna li minn għandha sar trapjant ta’ organi.
L-Awtorità studjat rapport li tħejja dwar dan il-punt mill-Kumitat Konsultattiv tagħha dwar il-Kwalità u l-Etika fil-Mezzi tax-Xandir u kkunsidrat jekk hux etiku li f’każ ta’ trapjant ta’ organi għandhomx jixxandru l-ismijiet u d-dettalji personali tad-donatur u tal-persuna li tirċievi dawn l-organi.
L-Awtorità hija tal-fehma illi fejn hemm kunsens tad-donatur jew tal-familjari tad-donatur u tal-persuna li tirċievi dak l-organu, m’hemm xejn kontra l-etika illi jixxandru l-ismijiet. Anzi l-fatti juru li l-għoti ta’ din it-tip ta’ aħbar mill-mezzi taxxandir fil-prattika għenet bil-kbir biex tħajjar lill-pubbliku li jagħti l-permess biex l-organi tagħhom jintużaw wara mewthom.
Madankollu, l-Awtorità xorta tibqa’ tal-fehma illi x-xandar għandu l-obbligu illi jitratta aħbarijiet ta’ din il-kwalità b’sensittività lejn is-suġġett u l-persuni konċernati u m’għandux ifittex li joħloq sensazzjonaliżmu żżejjed u jnaqqas mid-dinjità tagħhom.
12 ta’ Ġunju 2001