
Ċirkulari 29/01
Gazzetti, Prodotti Anċillari u Xorb Alkoħoliku
L-Awtorità tax-Xandir kkunsidrat id-disposizzjonijiet ta’ żewġ artikoli fl-Att dwar ix-Xandir kif ukoll ħadet parir legali dwarhom. Għalhekk, qed ninfurma lillistazzjonijiet kollha dwar kif l-Awtorità qed tinterpreta dawn iż-żewġ disposizzjonijiet.
1. Artikolu 19 (8) (b) ta’ l-Att dwar ix-Xandir
Dwar din id-disposizzjoni, l-Awtorità hija tal-fehma li reklami ta’ gazzetti għandhom jitqiesu bħala reklamar għall-fini tal-liġi u għalhekk m’humiex eżenti mill-applikazzjoni tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir. B’hekk l-Awtorità qed tgħodd il-ħin ta’ reklamar tal-gazzetti fit-tnax-il minuta ta’ reklamar permessibbli f’kull siegħa orarja.
2. Paragrafu 26 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir
Il-paragrafu 26 tat-Tielet Skeda jipprovdi illi reklamar ma jinkludix tħabbir li jsiru mix-xandar in konnessjoni mal-programmi tiegħu u ma’ prodotti anċillari li jkunu direttament derivati minn dawk il-programmi. Dwar it-tifsira tal-kliem “prodotti anċillari”, l-Awtorità ma tikkunsidrax prodotti tal-kumpanija li hija ddetentur tal-liċenzja tax-xandir li ma jkollhom x’jaqsmu xejn mal-programmi tar-radju jew tat-televiżjoni li jaqgħu fit-tifsira tal-kliem “prodotti anċillari”. B’hekk, reklami ta’ tours offruti mill-kumpanija li hija d-detentur tal-liċenzja taxxandir jew ta’ gazzetti jew ta’ servizzi oħra mhux relatati max-xandir jitqiesu bħala reklami u jingħaddu bħala tali għall-fini tar-regolament dwar it-tnax-il minuta ta’ reklamar f’kull siegħa orarja.
3. Linji Gwida dwar Reklamar ta’ Xorb Alkoħoliku
L-Awtorità qed tinnota li minkejja li l-paragrafu 2.1 tal-Linji Gwida dwar Reklamar ta’ Xorb Alkoħoliku jipprovdi li r-reklamar għal xorb alkoħoliku m’għandux jixxandar qabel is-7.00pm, xorta qed ikun hemm każijiet fejn dan it-tip ta’ reklamar qed jixxandar qabel dak il-ħin.
L-Awtorità għalhekk qed tagħti direttiva lill-istazzjonijiet biex isegwu din irregola fejn jidħol reklamar għall-alkoħol.
17 ta’ Settembru 2001