 |
|
 |
|
|
 |
 |
 |
Deċiżjonijiet ta' l-Awtorita` tax-Xandir | 2012 | | | | Favourite Channel - Aħbarijiet - 9 u 10 ta' Marzu 2012 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Favourite Channel dwar l-aħbarijiet tal-Ġimgħa 9 ta’ Marzu, 2012, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir waqt il-bulettini tal-aħbarijiet ta’ Favourite Channel tad-9 u l-10 ta’ Marzu 2012 meta l-istazzjon irrapporta ż-żjara li għamlet il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono lill-proġetti f’Kerċem u Marsalforn. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u kif ukoll lis-Sur Virgilio Pirrone u s-Sur Jesmar Baldacchino li dehru f’isem l-istazzjon. Il-Kap Eżekuttiv qal li kemm il-liġi u kif ukoll id-Direttiva kienet tagħmilha ċara li fil-jiem tas-silenzju m’għandu jsir l-ebda xandir li b’xi mod jista’ jinfluwenza l-votanti u li wara li kien infurmat mid-Dipartiment tal-Monitoring b’dan ir-rapport huwa ġibed l-attenzjoni tal-istazzjon, madanakollu l-istess rapport reġa’ xxandar fil-11.19 pm tal-istess jum u l-għada 10 ta’ Marzu, 2012 fil-5.15 am u fid-9.15am u għalhekk ħass li kellu joħroġ din l-akkuża. Ir-rappreżentanti tal-istazzjon ikkontendew li dan is-servizz kien ibbażat fuq komunikazzjoni Ministerjali dwar proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropeja u għalkemm il-kontenut kien editjat, l-informazzjoni li xxandret ma kienitx meqjusa problematika u li tmur kontra d-Direttiva u dan peress li ma ssemmewx kandidati. L-istazzjon spjega li n-notifika tal-ksur tad-Direttiva kienet waslet l-istazzjon fl-10 ta’ Marzu, 2012 u mhux fid-9 ta’ Marzu u li fil-ġranet u l-ħinijiet in kwistjoni l-istazzjon kien qed jitħaddem b’sistema awtomatika u ma kien hemm ħadd li setgħa fiżikament jieħu miżuri sabiex jirranġa jew jeditja l-partijiet oġġezzjonabbli. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rriteniet li l-istazzjon kellu jkun aktar attent u konxju mir-regolamenti riflessi fid-Direttiva. Minkejja li ma ssemmew l-ebda ismijiet ta’ kandidati fl-elezzjoni fir-rapport in kwistjoni, xorta waħda l-kontenut seta’ jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva minħabba li seta’ raġonevolment jiġi kkunsidrat li “b’xi mod jinfluwenza lill-votanti”. L-Awtorità għalhekk ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u imponiet il-penali ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro (€4,660). Madanakollu, peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, iddeċidiet li tissospendi l-ħlas tal-penali. In oltre l-Awtorità innutat il-fatt li fi żmien delikat u ċioe’ waqt il-jiem tas-skiet f’Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-istazzjon kien qed jitħaddem b’sistema awtomatika. Konsegwenza ta’ dan, fil-każ in eżami, l-istazzjon ma kellux sistema biex tittieħed azzjoni effettiva u immedjata. L-Awtorita’ ħasset li dan kien nuqqas u kellha tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjon biex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu evitati problemi ta’ dan it-tip fil-futur. 10 t’April 2012 | | Akkuża kontra Media.link Communications Co. Ltd dwar ksur tal-Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża maħruġa mill-Kap Eżekuttiv kontra Media.link Communications Co. Ltd li kienet tirrigwarda x-xandiriet fuq NET TV li saru fis-1.11 pm u fis-2.10 pm ta’ nhar is-Sibt 10 Marzu 2012 li fihom deher il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista iżur lokalitajiet li fihom kienet qed issir l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, fosthom il-Mosta u Ħal-Safi, u li f’dawn il-filmati l-Prim Ministru deher jieħu b’idejn u jkellem uħud mill-kandidati li kienu qed jikkontestaw fil-lokalità. Fl-akkuża tiegħu il-Kap Eżekuttiv allega li dawn ix-xandiriet saru bi ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir għall-programmi u reklami mxandra matul il-perjodu 13 ta’ Frar sal-10 ta’ Marzu 2012. L-Awtorità semgħet il-każ waqt is-seduta li saret nhar it-Tlieta 3 ta’ April, 2011 u li fiha dehru Ms Louiselle Vassallo assistita mill-Avukat Karol Aquilina, l-Avukat Paul Borg Olivier, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, u s-Sur Nathaniel Attard, Kap tal-Aħbarijiet ta’ NET TV. Il-Kap Eżekuttiv spjega li nhar is-Sibt 10 ta’ Marzu, ġurnata li matulha kienet qed issir l-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’numru ta’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex, kienet ikkunsidrata bħala “jum ta’ silenzju” skont il-liġi, u d-Direttiva maħruġa mill-Awtorità ai termini tal-Artiklu 15 ta’ l-Att Dwar ix-Xandir, tgħid b’mod ċar li “Matul il-jum qabel l-elezzjonijiet u dakinhar tal-votazzjoni ma jista’ jsir ebda xorta ta’ xandir li b’xi mod jista’ jinfluwenza l-votanti”. L-istess Direttiva tgħid ukoll li “għandhom jiġu evitati sitwazzjonijiet minn stazzjonijiet tax-xandir li matul il-perijodu ta’ żmien is-skiet ikunu trasmessi programmi li jistgħu raġonevolment jiġu interpretati li qed jixxandru bil-ħsieb li jinfluwenzaw il-votanti”. Huwa spjega li meta ħareġ l-ewwel servizz fuq NET TV li fih deher il-Prim Ministru jżur Ħal-Safi u l-Mosta u jieħu b’idejn u jiltaqa’ ma’ kandidati li dakinhar kienu qed jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, kien ikkomunika mal-istazzjon, kif isir ma’ kull stazzjon ieħor meta tavverra ruħha l-ewwel irregolarita’. Il-Kap Eżekuttiv tenna li huwa ġibed l-attenzjoni tal-istazzjon għal dan in-nuqqas u infurmah li għalkemm l-Awtorità kienet tħoss li rraportaġġ taż-żjarat mill-Prim Ministru bħala tali ma kienux jiksru d-Direttiva, il-mod kif is-servizzi kienu qed juru l-Prim Ministru jiltaqa’ ma’ wħud mill-kandidati jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva u għalhekk ix-xandir ta’ dawn is-servizzi kellu jieqaf. Wara din il-komunikazzjoni, il-Partit Nazzjonalista kiteb permezz tad-Direttur għall-Informazzjoni tiegħu li ma kienx jaqbel ma’ din l-interpetazzjoni u talab li l-istruzzjoni mogħtija lill-istazzjon biex jitwaqqfu dawn is-servizzi tiġi riveduta. Il-Partit Nazzjonalista ġie nfurmat bil-miktub li d-deċizjoni kienet qed tiġi kkonfermata. Meta s-servizzi mhux talli ma twaqqfux imma baqgħu jiġu aġġornati b’servizzi dwar żjarat oħra, li f’uħud minnhom mhux biss deher il-Kap tal-Partit Nazzjonalista iżur każini tal-istess partit u jiltaqa’ ma’ kandidati tal-elezzjoni għall-Kunsill tal-Lokali, iżda talli ssemma b’ismu wieħed mill-kandidati, il-Kap Eżekuttiv dehrlu li dan kien jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva u għalhekk ħareġ l-akkuża skont il-liġi. Media.link Communications Ltd fis-sottomissjonijiet tagħha sostniet li fl-ebda stadju ma kienet ġiet mgħarrfa li l-allegat ksur kien qed jirriżulta mill-fatt li kienu qed jidhru l-kandidati, iżda hija kienet taħt l-impressjoni li l-allegat ksur kien qed jiġi bbażat fuq il-fatt li kienu qed jiġu rrapportati ż-żjarat tal-Prim Ministru. Hija sostniet li, sabiex jitħares il-bilanċ u l-imparzjalita’ dovuti, hekk kif espressi f’Artiklu 119 tal-Kostitiuzzjoni, minn jiem qabel, il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ NET TV kienet talbet direzzjoni mill-Awtorita’ dwar jekk il-Prim Ministru setgħax jintwera iżur il-lokalitajiet fejn kienu ser isiru l-elezzjonijijet minħabba li l-Kap tal-Opposizzjoni f’din l-elezzjoni kien jirrisjedi f’lokalita’ fejn seta’ jivvota. Żiedet li kif kien ikkonferma l-Kap Eżekuttiv stess mal-Kap ta’ l-Aħbarijiet ta’ Media.link Communications Co. Ltd, il-fatt li jidher il-Prim Ministru u Kap tal-Oppożizzjoni ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva u għalhekk ittieħdet id-deċizzjoni li tkompli bis-servizzi fl-“updates” li kienu qed jixxandru regolarment matul il-ġurnata fuq NET TV. Ir-rappreżentanti ta’ NET TV qalu lill-Awtorita’, li fl-imghoddi, b’mod partikolari fl-elezzjoni tal-2009 li kienet tinkorpora fiha l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Lokali, NET TV kien xandar servizz li wera l-Prim Ministru fil-preżenza ta’ kandidati li dakinhar kienu qed jikkontestaw l-elezzjoni. Il-Kap Eżekuttiv ippreċiża li fl-2009, NET TV kien xandar servizz tal-Prim Ministru sejjer jivvota flimkien mas-Sinjura tiegħu u kien propju quddiem il-bieb tal-votazzjoni li dehru xi kandidati miż-żewġ partiti li dakinhar kienu qed jikkontestaw l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u li nzertaw kienu preżenti quddiem dan il-post tal-votazzjoni. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet konċernati u rat it-traskrizzjonijiet tal-items tal-aħbarijiet relattivi, ikkonstatat u kkonkludiet kif jidher hawn taħt: li l-imsemmija direttiva tgħid b’mod ċar li għandhom jiġu evitati sitwazzjonijiet minn stazzjonijiet tax-xandir li matul il-perijodu ta’ żmien is-skiet ikunu trasmessi programmi li jistgħu raġonevolment jiġu interpretati li qed jixxandru bil-ħsieb li jinfluwenzaw il-votanti; li f’dan il-każ partikolari, fl-opinjoni tal-Awtorità, għalkemm taqbel li rapportaġġ tal-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista jżur diversi lokalitajiet fih nnifsu mhux neċessarjment jikser id-Direttiva marbuta mal-jumejn ta’ silenzju, il-prominenza li ngħatat lill-kandidati tal-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali, speċjalment meta dawn kienu jidhru f’postijiet identifikati bħala sede ta’ partit politiku, kienet tikkostitwixxi ksur tad-Direttiva minħabba li kienet tista’ raġonevolment tiġi kkunsidrata li “tista b’xi mod tinfluwenza lill-votanti”; li l-Awtorità ma setgħetx taċċetta t-teżi li l-istazzjon ma kienx jaf li l-ksur kien qed jirriżulta mill-fatt li l-kandidati kienu qed jingħataw prominenza; li minkejja li l-akkuża ġiet notifikata lis-soċjeta’ Media.link Communications Co. Ltd kmieni wara nofs in-nhar tal-10 ta’ Marzu, flok rat li jitwaqqaf ix-xandir ta’ dawn is-servizzi, l-istazzjon baqa’ jxandar dawn is-servizzi u jaġġornahom b’filmati oħra li fihom jidhru l-kandidati ; li għalhekk l-Awtorità ikkonkludiet u ddeċidiet li l-akkuża tal-Kap Eżekuttiv kienet ġiet ampjament ippruvata u għalhekk kienet issib lis-soċjeta’ Media.link Communications Co. Ltd ħatja ta’ ksur tad-Direttiva maħruġa ai termini tal-Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir ; li l-Awtorità wkoll iddeċidiet li minħabba li l-ksur baqa’ jirrepeti ruħu matul il-ġurnata kollha, anke wara li l-istazzjon kien infurmat bil-miktub, hija ma kellha l-ebda alternattiva ħlief li timponi l-penali ta’ erbat elef, sitt mija u sittin Ewro (€4,660) stabbilit fil-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.
Illum 10, t'April 2012 |
| | TVM - Bondi+ - 10 ta' Jannar 2012 | Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista rigward l-edizzjoni tal-programm Bondi+ li xxandret fuq TVM, fl-10 ta’ Jannar, 2012 | L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar l-edizzjoni tal-programm Bondi+ li xxandar fuq TVM fl-10 ta’ Jannar 2012, bil-parteċipazzjoni fl-istudjo tal-Onorevoli Dr Franco Debono. Fl-ilment tiegħu il-Partit Nazzjonalista talab lill-Awtorità tagħtih rimedju għall-kritika li l-Onorevoli Debono għamel fil-konfront tal-Prim Ministru, membri tal-Kabinett u tal-istess Partit. L-Awtorità semgħet kemm lill-Avukat Karol Aquilina u l-Avukat Frank Psaila, Direttur tal-Informazzjoni, li kienu qed jidhru għan-nom u fl-interess tal-Partit Nazzjonalista u kif ukoll lil Dr Natalino Fenech, Editur tal-PBS, assistit mill-Avukat Therese Comodini Cachia li kienu qed jidhru għan-nom u fl-interess tal-istazzjon, f’seduta li nżammet it-Tlieta, 17 ta’ Jannar, 2012. Fis-sottomissjonijiet tiegħu l-Partit Nazzjonalista kkontenda li fl-interventi estensivi tiegħu l-Onorevoli Debono għal diversi drabi għamel referenza għall-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward tiegħu u indirizza l-kritika tiegħu lejn il-Prim Ministru, lejn il-Kabinett u kif ukoll lejn l-istess Partit, u dan meta fl-ebda ħin waqt il-programm ma ngħatat l-opportunità sabiex il-Partit jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kummenti tal-Onorevoli Debono. Min-naħa l-oħra, l-istazzjon irribatta billi qal li peress li l-Partit Nazzjonalista fl-ilment tiegħu naqas milli jispeċifika liema siltiet mill-intervent tal-Onorevoli Debono kien qed jirritieni li kienu kritika kontra tiegħu, ma kienx iħoss li seta’ jagħti rimedju kif mitlub. L-istazzjon saħaq li jekk waqt il-programm kien hemm min ġie kkritikat, dan seta’ jitlob dritt ta’ risposta, li l-istazzjon, ai termini tal-liġi kien ikun dispost li jikkonsidra u jikkonċedi skont il-każ. Madankollu sa dak il-ħin, l-ebda talba, f’dan is-sens, ma kienet saret. L-Awtorità kkonsidrat dan l-ilment ai termini ta’ Artiklu 34 tal-Att dwar ix-Xandir u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet: (i) illi waqt il-programm in kwistjoni, l-Partit Nazzjonalista ma kienx ingħata l-opportunità li jwassal l-veduti tiegħu dwar il-partijiet fejn l-Onorevoli Franco Debono għamel kritika fil-konfront tal-istess Partit. (ii) illi l-Awtorità għaldaqstant, kienet qed tilqa’ l-ilment tal-Partit Nazzjonalista limitatament għal dawk il-partijiet fejn saret kritika lill-istess Partit, u ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir tordna lill-istazzjon li fl-edizzjoni li jmiss tal-programm Bondi+ tal-Ħamis 19 ta’ Jannar, 2012 dan jalloka l-ewwel għaxar (10) minuti tal-programm sabiex il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ rappreżentant tiegħu fl-istudjo, jagħti l-veduti tiegħu dwar il-kritika magħmula mill-Onorevoli Franco Debono. 18 ta’ Jannar, 2012 |
| | TVM - Xarabank - 6 ta' Jannar 2012 | Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista dwar deċiżjoni tal-istess Awtorità rigwardanti l-Programm Xarabank li xxandar fuq PBS il-Ġimgħa 6 ta' Jannar, 2012 | L-Awtorità ltaqgħet f’seduta urġenti llum, il-Ħamis 12 ta’ Jannar 2012 biex isir is-smigħ ta’ ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar l-allokazzjoni mill-Awtorità tax-Xandir ta’ 15 il-minuta lill-Oppożizzjoni b’risposta għall-intervista li saret lill-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi waqt il-programm Xarabank li xxandar nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar 2012. Il-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat mill-Avukat Frank Psaila, Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, assistit mill-Avukat Karol Aquilina. Preżenti wkoll kien hemm is-Sur Kurt Farrugia, Direttur Informazzjoni tal-Partit Laburista bħala osservatur. Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Partit Nazzjonalista sostna li Dr Lawrence Gonzi ġie mistieden u intervistat fil-programm wara r-rejazzjoni magħmula minn deputat mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u għalhekk, fil-fehma tal-Partit Nazzjonalista, Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ma japplikax u l-Awtorità tax-Xandir waslet għal konklużjoni żbaljata. Il-Partit Nazzjonalista fl-ilment tiegħu ikkontenda wkoll li d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir li tagħti min jeddha ħin lill-Partit Laburista toħloq żbilanċ fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista kkontenda wkoll li l-Awtorità tax-Xandir injorat il-fatt li matul l-istess programm ixxandru siltiet minn Konferenza tal-Aħbarijiet mogħtija mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat. Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, il-Partit Nazzjonalista ipprotesta kontra d-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tax-Xandir u talab li waqt il-programm li mponiet l-istess Awtorità ikun hemm rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista. L-Avukat Karol Aquilina, fis-sottomissjoni tiegħu waqt il-laqgħa, sostna li l-Partit Nazzjonalista kien tal-fehma li d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir tmur lill hinn minn dak li titlob il-Liġi u ma kienx jifhem kif l-Awtorità tista timponi li kull meta jitkellem il-Prim Ministru f’xi programm televiżiv, għandu jingħata ħin lill-Kap tal-Opposizzjoni sabiex jiġu espressi l-veduti tal-Oppożizzjoni u kien għalhekk li ressqet dan l-ilment u talbet ir-rimedju. L-Awtorità kkunsidrat dan l-ilment ai termini tal-Ligi tax-Xandir Artiklu 34 li jagħti l-fakulta lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fuq il-mezzi tax-xandir. Waqt id-deliberazzjoni tagħha dwar il-każ, l-Awtorità rat li fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Jannar, 2012 ir-rimedju li ngħata lill-Partit Laburista ma kienx riżultat ta’ dak li qal il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista imma b’riżultat ta’ dak li qal fir-rigward tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista li ma kienx preżenti u li għalhekk ma setgħax jirrispondi għall-kritika li kienet qed issirlu. Is-siltiet mid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista waqt Konferenza Stampa li saret aktar kmieni fl-istess ġurnata u li xxandru waqt il-programm saret kritika fuqhom mill-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk ma jistax jingħad li l-programm kien jittratta biss kwistjoni interna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kif issottomettew ir-rappreżentanti tal-istess Partit waqt is-smigħ tal-ilment. L-Awtorità ikkostatat li r-reshuffle fil-Kabinett u s-sospenzjoni tal-onorarja tal-Ministri u Segretarji Parlamentari bla dubju jikkostitwixxu ħwejjeġ ta’ kontroversja politika u għalhekk ma jistax jingħad li l-Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta ma japplikax f’dan il-każ. Għalkemm waqt il-programm sar attentat mill-preżentatur biex jitwasslu l-fehmiet taż-żewġ partijiet, l-Awtorità waslet għall-konklużjoni li dan l-iskop ma ntlaħaqx u kien għalhekk li imponiet ir-rimedju li dwaru qed isir l-ilment. Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità ma tħossx li hemm raġuni li fuqha setgħet tibbaża tibdil fid-deċiżjoni tagħha kif qed jitlob il-Partit Nazzjonalista u għalhekk iddeċidiet li l-ilment m’għandux ikun milqugħ u d-deċiżjoni minnha meħuda fl-10 ta’ Jannar 2012 għandha tiġi kkonfermata. 12 ta’ Jannar, 2012 |
| | Favourite Channel - EntertainME - 23 ta' Novembru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha żewġ akkużi fil-konfront ta’ Favourite Channel dwar il-programm EntertainME u t-trażmissjoni tat-23 ta’ Novembru, 2011, fejn ġie allegat li fiż-żewġ istanzi kien hemm ksur ta’ paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon eċċeda l-massimu ta’ reklamar konsentit f’siegħa orarja. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sur Karl Bonaċi u s-Sur Virġilio Pirrone li dehru f’isem l-istazzjon. L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-rapporti relattivi, ddeċidiet li ż-żewġ akkużi kienu ġew ippruvati, madanakollu, peress li din kienet l-ewwel darba l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur l-Awtorità ddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.
|
| | | ONE - Trasmissjonijiet ta' 28 u 29 Novembru 2011 u 5 ta' Diċembru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar trasmissjonijiet tat-28 u d-29 ta’ Novembru u l-5 ta’ Diċembru, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon eċċeda l-ħin allokat għal reklami spot f’siegħa orarja. Il-Kap Eżekuttiv informa lill-membri li qabel is-seduta odjerna kien ġie infurmat mill-istazzjon li dan kien qed jammetti l-akkuża. In vista ta’ din l-ammissjoni l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur l-Awtorità iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ disa’ mija u tletin Ewro (€930) li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum.
|
| | | ONE - Bonġu Bundy - 25 ta' Novembru u 5 ta' Diċembru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Bonġu Bundy tal-25 ta’ Novembru, 2011 u l-5 ta’ Diċembru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon eċċeda l-ħin allokat għal reklami spot f’siegħa orarja. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u kif ukoll lis-Sur Roberto Francalanza li deher f’isem l-istazzjon u lis-Sur Charles Stroud mill-produzzjoni. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-argumenti tal-istazzjon u tas-Sur Stroud ma kienux suffiċjentement skużabbli u għalhekk iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum.
|
| | ONE- Kalamita - 11 u 25 ta' Novembru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Kalamita tal-11 u l-25 ta’ Novembru, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 u Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir u kif ukoll Paragrafu 3.2 tal-Avviż Legali 350.22 dwar Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti tal-Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir meta l-istazzjon eċċeda l-ħin allokat għal reklami spot f’siegħa orarja u kif ukoll, li l-mistoqsijiet marbutin mal-kompetizzjoni kienu konnessi ma’ ktieb tar-Riċetti ppubblikat mill-mistieden fl-istess programm. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u kif ukoll lis-Sur Roberto Francalanza li deher f’isem l-istazzjon, li minn naħa tiegħu ammetta l-akkuża. In vista ta’ din l-ammissjoni l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur l-Awtorità iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
|
| | | TVM- Stylewatch - 30 ta' Ottubru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Stylewatch tat-30 t’Ottubru, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K(f) tal-Att Dwar ix-Xandir u Paragrafu 9.1(c) tal-Avviż Legali 350.30 Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika fuq Programmi li Jinvolvu l-Parteċipazzjoni fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li Japplikaw Għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali meta l-istazzjon xandar servizz dwar l-użu tal-Human Chorionic Ganadotropin (HCG) bħala trattament biex tirqaq liema prodott huwa ‘prescription based’ u waqt l-istess servizz ma intweriex b’manjiera xjentifika kif jaħdem dan il-prodott. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u kif ukoll lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem l-istazzjon u lil Dr Pillow li kien imsejjaħ bħala xhud mill-istazzjon u li kien ipparteċipa fl-imsemmi servizz. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-argumenti tal-istazzjon u ta’ Dr Pillow ma kienux suffiċjentement skużabbli. Żiedet li l-każ kien wieħed serju minħabba li kien jikkonċerna s-saħħa tal-bniedem u l-akkwist ta’ mediċinali u l-akkuża kienet ġiet ippruvata u imponiet il-penali relattiva ta’ elf sebgħa mija u ħamsin Ewro (€1,750) li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum.
|
| | | NET TV- Malta Lejla - 7 ta' Novembru u 5 ta' Diċembru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar żewġ edizzjonijiet tal-programm Malta Lejla li xxandru fis-7 ta’ Novembru u l-5 ta’ Diċembru, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att Dwar ix-Xandir kif ukoll paragrafi 13.1, 14.1(a) u 14.1(ċ) tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika fuq Programmi li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li japplikaw għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali, meta waqt l-edizzjoni tal-programm tas-7 ta’ Novembru sar trattament tal-botox minn Dr Joanna Delia mistiedna regolari fil-programm u filwaqt li kien spjegat f’hiex kien jikkonsisti t-trattament fl-ebda mument ma ġew inklużi possibiltajiet ta’ konsegwenzi negattivi. In oltre, kien allegat li fl-istess rokna kien hemm element qawwi ta’ promozzjoni kummerċjali. Minn naħa l-oħra fil-programm tal-5 ta’ Diċembru 2011, Dr Joanna Delia għamlet trattament kontra t-tikmix mingħajr ma semmiet xi aspetti negattivi li setgħu jirriżultaw wara t-trattament. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, kif wkoll lil Ms Louiselle Vassallo, Media Manager li dehret f’isem l-istazzjon. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-akkuża ta’ reklamar b’ħabi ma kienitx tirriżulta u ma ġietx ippruvata. Madanakollu, fir-rigward tal-parti tal-akkuża li kienet tirreferi għar-regolamenti f’paragrafi 14.1 tal-imsemmija Ħtiġijiet, l-akkuża kienet ġiet ippruvata u għalhekk peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati kellha timponi l-penali relattiva għal dan in-nuqqas li kienet tammonta għal elf mija u sittin Ewro (€1,160) li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum.
|
| | | Favourite Channel- Cachet - 9 ta' Diċembru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Favourite Channel dwar il-programm Cachet li xxandar fid-9 ta’ Diċembru, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att Dwar ix-Xandir kif ukoll paragrafi 13.1, 14.1(a) u 14.1(ċ) tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika fuq Programmi li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li japplikaw għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali, meta waqt l-imsemmi programmi saru trattament tal-botox minn mistiedna regolari fil-programm u filwaqt li kien spjegat f’hiex kien jikkonsisti t-trattament fl-ebda mument ma ġew inklużi possibiltajiet ta’ konsegwenzi negattivi. In oltre, kien allegat li fl-istess rokna kien hemm element qawwi ta’ promozzjoni kummerċjali. Peress li l-istazzjon naqas li jkun rappreżentat għal dan is-smigħ mingħajr avviż, l-Awtorità kkunsidrat dan l-aġir bħala ammissjoni u għalhekk l-akkuża ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur, iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjoni biex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.
|
|
|
 |
|