Bay Radio - Moviment SHout - 3 u 4 ta' Marzu 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Bay Radio dwar xandir ta’ spot tat-3 u l-4 ta’ Marzu, 2015 rigward rally organizzat mill-Moviment SHout, meta dan l-ispot jitqies bħala reklam politiku li huwa projbit mill-Att dwar ix-xandir bi ksur ta’ Paragrafu 1 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet kemm lil Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Kevin De Cesare (Jnr) u lil Dr Andrea Gera de Petri li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fl-24 ta’ Marzu, 2015.

Il-Kap Eżekuttiv fl-introduzzjoni tiegħu filwaqt li qara l-akkuża qal li l-istazzjon kien ikkopera u fil-fatt hekk kif inġibdet l-attenzjoni dan waqqaf immedjatament ix-xandir tal-ispot in kwistjoni.

Minn naħa tiegħu Dr Gera de Petri filwaqt li ammetta l-akkuża saħaq li dan il-każ kien riżultat tal-fatt li l-proċeduri ta’ vetting mill-istazzjon ma kienux tħaddmu, u dan peress li fl-ebda mument ma kien hemm l-iċken indikazzjoni li dan l-ispot fil-fatt setgħa jinkorpora u jinkludi promozzjoni għal attivita’ tal-Moviment Shout. Żied li hekk kif intebaħ, l-istazzjon waqqaf ix-xandir tal-imsemmi spot immedjatament.

Waqt id-deliberazzjoni dwar din l-akkuża, tqajjmu diversi punti mill-membri inklużi deċiżjonijiet preċedenti ta’ l-Awtorita` dwar każijiet simili u anke deċiżjonijiet tal-Qorti dwar iż-żamma mill-Awtorita` mix-xandir ta’ spots b’element qawwi politiku. L-Awtorita` iddeċidiet li fis-sitwazzjoni preżenti, speċjalment bid-direttiva ċara li kienet ħarġet l-istess Awtorita` li l-kampanja dwar ir-referendum f’dak li għandhom x’jaqsmu produzzjonijiet ma kellhiex tiġi estiża għar-radju, ma setgħetx ma tqisx ix-xandir ta’ dawn l-ispots bħala ksur tad-direttiva u anke ksur ta’ Paragrafu 1 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità filwaqt li ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż tal-fatt li l-istazzjon kien ammetta li dan kien każ ta’ disattenzjoni minn naħa tiegħu, iddeċidiet li l-akkuża kienet tirriżulta u ġiet ippruvata, madanakollu, in vista tal-fatt li l-istazzjon ħa azzjoni immedjata biex iwaqqaf il-ksur, qablet li ma kellhiex timponi l-penali relattiva, imma twiddeb lill-istazzjon biex ikun aktar viġilanti f’ċirkostanzi simili.

Illum 10 t’April, 2015