 |
|
 |
|
|
 |
 |
 |
Deċiżjonijiet ta' l-Awtorita` tax-Xandir | 2010 | | | | Power FM - 16 ta' Lulju 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li l-istazzjon Power FM kiser l-Artiklu 10(10) tal-Att dwar ix-Xandir, Paragrafu 4 tal-istess Att, kif ukoll tal-Paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz tat-telefonati u SMSs fil-Mezzi tax-Xandir, meta l-istazzjon kien qiegħed ixandar reklami ta’ stabbilimenti kummerċjali li kienu sitwati barra l-lokalità li fih kien ixandar, waqt xi programm kienet qed issir taħlita bejn element reklamatorju u l-kontenut tal-programm u ma kienx qed jiġi komunikat b’mod adegwat il-prezz tal-SMSs. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lid-Detentur tal-liċenzja s-Sur Emanuel Spiteri li min naħa tiegħu ikkontenda illi hekk kif ġie infurmat bin-nuqqasijiet ħa l-miżuri opportuni sabiex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet illi dwar il-ksur ta’ Artiklu 10(10) tal-Att dwar ix-Xandir ma kellhix raġuni li ma temminx il-verżjoni tas-Sur Spiteri, fir-rigward tal-prezz tal-SMSs l-Awtorità qablet li bħal f’każi preċedenti peress li sadakinhar tal-każ ma kienx hemm direzzjoni ċara dwar kif kellha tixxandar din l-informazzjoni ma kellhix tipproċedi ulterjoralment kontra l-istazzjon. L-Awtorità iddeċidiet illi dwar in-nuqqas ta’ separazzjoni bejn reklamar u l-kontenut tal-programmi l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati, iddeċidiet li twissi lill-istazzjon sabiex tali aġir ma jirrepetix ruhu. Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità saħqet illi l-istazzjon jibqà dejjem responsabbli għall-imġieba tal-kontributuri / impjegati u kif ukoll għall-kontenut imxandar, u in vista ta’ rimarki fil-monitoring report l-Awtorità ġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon għan-nuqqas ta’ kontenut konness mal-komunità li fiha kien ixandar u ddiriġiet li l-istazzjon jieħu l-miżuri neċessarji sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata. | | | | TVM - X’Hemm fil-Fiera - 21 ta’ Ġunju 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm X’Hemm fil-Fiera li xxandar fil-21 ta’ Ġunju, 2010 kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K(a) u paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lill-produtturi Ms Nadette Bugeja u s-Sur Edward Zammit u kif ukoll lill-istazzjon li kien rappreżentat mis-Sur Mario Micallef u l-konsulent legali l-Avukat Joe Refalo. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet konċernati u qablet li dawn it-tip ta’ programmi ma kienux aċċettabbli u ma kellhomx jixxandru, partikolarment fuq ix-xandir pubbliku stante li l-avveniment in kwistjoni kien min-natura tiegħu avveniment kummerċjali. Għaldaqstant l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata, madankollu peress li din kienet ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix l-imsemmi ksur. | | | | Smash TV - Teleshopping - 7 ta' Mejju 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm ta’ Teleshopping tas-7 ta’ Mejju, 2010 kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir, peress li waqt l-imsemmi programm instema’ diskors oxxen u blasfem fl-isfond waqt li kien qed isir il-bejgħ tal-prodotti. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Joe Baldachino bħala rappreżentant tal-istazzjon li minn naħa tiegħu filwaqt li ma kkontestax il-kontenut fir-rapport tal-monitoring, ikkontenda li dan l-episodju iżolat avverra ruħu wara li burdnar li ma kienx impjegat tal-istazzjon u li kien qiegħed jagħmel xogħol konness mal-programm fl-istudjo kien involut f’inċident fl-istess post. Wara li l-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat il-filmat relattiv, qablet illi l-argumenti tas-Sur Baldacchino ma kienux validi u l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi il-penali relattiva ta’ elf mija u erbgħa u sittin Ewro (€1,164), liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika. | | | | Net TV - Niltaqgħu - 27 t'April 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Niltaqgħu fuq NET TV kien hemm ksur ta’ paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir meta ma kienx hemm separazzoni adekwata rikjesta mill-liġi, hekk kif interpretata permezz ta’ ċirkolari 11/09 peress li ixxandru reklami. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon li kien rapprezentat mis-Sur Jeremy Dalli u s-Sur Josef Fitzpatrick u lill-produtturi is-Sur Godwin Friggieri u Ms Mary Tabone li kkontendew li l-programm kien ilu jixxandar fil-format preżenti sa minn Ottubru, 2009 u matul dan il-perjodu kienu żammew kuntatt kontinwu mal-Awtorita’ u dan sabiex jiżguraw aderenza mar-regoli eżistenti, partikolarment l-interpretazzjoni tal-provvedimenti dwar Reklamar. Is-Sur Friġġieri tenna li fl-irkejjen informattivi ma kien hemm l-ebda element promozzjonali u kienu jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jikkonservaw is-separazzjoni bejn l-informazzjoni u r-reklamar. L-Awtorità iddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkostatat illi l-fatt li l-preżentaturi u ċjoè Ms Mary Tabone u Sur Godwin Friggieri huma persuni sinonimi ma wħud mill-istabbilimenti kummerċjali li jirreklamaw fil-programm l-assoċjazzjoni bejn l-informazzjoni u l-elementi reklamatorji kienet evidenti u dan kien imur kontra l-imsemmijin provvedimenti, u għaldaqstant iddeċidiet illi l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-programm instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twissi lill-istazzjon li minn naħa tiegħu kellu jara li tali nuqqas ma jirrepetix ruħu. | | | | Smash TV - L-MEP u Int - 9 t' April 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programmi L-MEP u Int tad-29 ta’ Jannar, is-26 ta’ Frar u d-9 t’April, 2010 kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(f) tal-Att dwar ix-Xandir, peress li f’xi ħinijiet tal-programmi rispettivi l-uniku mistieden, u ċjoe il-Professur Edward Scicluna irrefera għal suġġetti meqjusin ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li kellhom x’jaqsmu ma policy pubblika kurrenti mingħajr ma dawn kienu bilanċjati b’opinjonijiet diversi u dan bi ksur ta’ l-obbligi ta’ imparzjalità ai termini ta’ l-imsemmi provvedimenti. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Joe Baldachino bħala rappreżentant tal-istazzjon, il-Membru Parlamentari Ewropew il-Professur Edward Scicluna u s-Sur Frans Ghirxi għall-produzzjoni. L-Awtorità rat l-akkuża u ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-istazzjon u l-produtturi u ddeċidiet li għalkemm ħafna mill-kontenut trattat kien informattiv, fil-programmi in eżami ġew diskussi temi li kienu meqjusin ta’ kontroversja politika u ta’ policy pubblika kurrenti bħal fil-każ tal-proġett għall-estensjoni tal-Freeport (29/1/2010), u t-tariffi tad-dawl u l-ilma (26/2/2010) liema temi l-Awtorita’ qablet li kienu jitolbu l-espożizzjoni ta’ veduti aktar wiesgħa ai termini ta’ Artiklu 13(2)(f). Inoltre, l-Awtorità nnutat illi fil-passat kienet diġà ippenalizzat u widdbet lill-istazzjon li programmi ta’ dan it-tip riedu jkunu bilanċjati, jew fihom infushom jew fuq medda ta’ programmi. Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi il-penali relattiva ta’ elf mija u erbgħa u sittin Ewro (€1,164), liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika. | | | | One - Bonġu Bundy - 7/8/9/ t'April 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Bonġu Bundy tas-7, 8, u 9 t’April, 2010 fuq One TV, kien hemm ksur ta’ paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir hekk kif interpretati permezz ta’ ċirkolari 11/09 meta mistednin sinonimi ma’ stabbilimenti kummerċjali kienu mistednin f’irkejjen informattivi meta dawn irreklamaw jew kien sponsers tal-programm. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon li kien rapprezentat minn Ms Ruth Vella u lill-produtturi is-Sur Charles Stroud u Ms Vanessa Chircop li kkontendew illi l-parteċipazzjoni ta’ Ms Mariella Scerri waqt rokna informativa fil-programm tad-9 t’April kien inċidentali u mhux ippjanata u kien b’hekk illi rriżulta l-ksur indikat fl-akkuża. B’referenza għan-nuqqas ta’ separazzjoni indikat fir-rapport tal-monitoring kawżat minn referenza għall-isponsers, is-Sur Stroud irrilieva d-distinzjoni li kienet issir bejn sponser u entita’ kummerċjali li kienet tgħin fil-produzzjoni tal-programm b’mod aktar dirett, liema entita’ kienet tingħata ħajr waqt il-programm. Is-Sur Stroud tenna li ma kienx ċar jekk din it-tip ta’ preżentazzjoni kinitx fil-fatt tmur kontra l-provvedimenti u l-interpretazzjoni elenkati fl-akkuża. Is-Sur Stroud temm jgħid li l-produzzjoni kienet tagħmel l-almu tagħha biex tirrispetta r-regoli eżistenti saħansitra billi żżomm kuntatt mad-Dipartiment tal-monitoring. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata stante li kien hemm assoċjazjoni evidenti bejn uħud mill-mistednin fl-istudjo u r-referenza kummerċjali waqt il-programm bħal fil-każ ta’ Mary Sevasta, Mark Vassallo (Vascas) u Mariella Scerri (Orienta) li lkoll huma meqjusin personalitajiet sinonimi mal-attivita’ kummerċjali tagħhom, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-programm instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twissi lill-istazzjon li minn naħa tiegħu kellu jara li tali nuqqas ma jirrepetix ruħu. | | | TVM - Bondiplus - 7 ta' April 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Bondiplus tat-8 ta’ Marzu, 2010 kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(f) tal-Att dwar ix-Xandir, meta is-suġġett, u ċioe, l-ewwel sentejn ta’ ħidma tal-Gvern, bil-parteċipazzjoni tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg ma ġietx osservata l-imparzjalità rikjesta mill-liġi. Wara li evalwat is-sottomissjonijiet li tressqu mill-partijiet in kwistjoni, inkluż is-sottomissjonijiet bil-miktub imressqa mill-istazzjon, u wara wkoll li rat il-filmat tal-programm in kwistjoni, l-Awtorità kkonstatat il-fatti segwenti: (a) illi l-Att dwar ix-Xandir (Artiklu 13), waqt li jippermetti lill-Awtorità tax-Xandir, fejn tidħol il-ħtieġa li ‘tinżamm l-imparzalità dovuta dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li għandhom x’jaqsmu ma’ policy pubblika kurrenti’, li tara li din l-imparzjalità tintlaħaq fuq medda ta’ stazzjonijiet, fl-istess ħin tagħmilha ċara li dan ma jistax japplika fil-każ ta’ servizzi pubbliċi tax-xandir. Għalhekk, l-Awtorità tesiġi li fil-każ tal-istazzjonijiet tax-xandir pubbliku għandu jinżamm livell għoli ta’ imparzjalità u li, sa fejn dan huwa possibbli, kull programm li jindirizza l-imsemmija ħwejjeġ għandu jkun ibbilanċjat fih innifsu; (b) illi parti sostanzjali mill-edizzjoni tal-programm in kwistjoni kienet mibnija fuq features li kkomunikaw informazzjoni dwar proġetti, programmi u inizjattivi oħra mwettqa mill-Gvern matul dawn l-aħħar sentejn. Fl-opinjoni tal-Awtorità, dan ma kien xejn ħlief materjal promozzjonali għall-ħidma tal-Gvern matul dan il-perjodu u ma sar l-ebda sforz sabiex f’dawn il-features issir xi forma ta’ analiżi kritika ta’ din il-ħidma; (c) illi waqt li huwa minnu li waqt l-intervista li saret lill-Onorevoli Ministru Dr Tonio Borg il-preżentatur qajjem xi punti ta’ kritika li kienet saret għall-ħidma tal-Gvern, fl-opinjoni tal-Awtorità dan kien biss tentattiv dgħajjef sabiex jintlaħaq xi forma ta’ bilanċ, u ma jistax jitqies li dan ikkumpensa b’mod sodisfaċenti kemm għan-nuqqas ta’ bilanċ fil-features imsemmija kif ukoll għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-programm ta’ persuni oħra b’opinjonijiet differenti, mhux neċessarjament biss persuni fil-qasam politiku. L-Awtorità hija tal-fehma li ma kien hemm l-ebda raġuni valida għaliex dan il-programm ma setax ikun ibbilanċjat fih innifsu. Għalhekk, l-Awtorità kkonkludiet li l-akkuża tal-Kap Eżekuttiv kienet ġiet ippruvata u mponiet fuq l-istazzjon penali ta’ elf mija u erbgħa u sittin ewro (€1,164) li għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum. | | | One TV - Looks - 25 ta' Marzu 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tat-13 u l-20 ta’ Frar 2010 li fil-programm Looks ma kienx hemm separazzjoni bejn ir-rokna informattiva u r-reklamar hekk kif elenkat fiċ-ċirkulari 11/09 dwar l-interpretazzjoni tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. Fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv, l-Awtorità semgħet lil Ms Joanna Spiteri, Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring u lill-istazzjon li kien rappreżentat minn Ms Ruth Vella, Senior Manager Broadcasting. Peress li l-istazzjon ammetta l-akkuża miġjuba kontrih u stante li din ma kinitx l-ewwel darba li dan il-programm instab ħati ta’ tali ksur, l-Awtorità imponiet fuq l-istazzjon il-penali amministrattiva ta’ €931 liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika. | | | | NET TV - Malta Illejla - 24 ta' Marzu 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Malta Lejla fuq NET TV kien hemm ksur ta’ Artikli 5.2, 5.3 u 6.2. tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sinjura Pauline Sciriha, telespetattriċi li resqet ilment kontra l-istazzjon peress li dan naqas li jonora l-obbligi tiegħu meta ma kkonsenjax żewġ premjijiet konsistenti f’żewġ vouchers fl-ammont ta’ €300 u €1,000 rispettivament, liema premjijiet kienu dovuti lis-Sinjura Sciriha in vista tal-parteċipazzjoni tagħha f’kompetizzjoni waqt l-imsemmi programm, propju f’edizzjonijiet li xxandru f’Mejju u f’Ottubru, 2009 rispettivament. Għal dan is-smigħ l-istazzjon naqas li jibagħat rappreżentanti u dan minkejja li kien ġie notifikat permezz ta’ ittra datata 18 ta’ Marzu, 2010. Wara li l-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tas-Sinjura Sciriha u tal-fatt illi n-nuqqas tal-istazzjon li jattendi għas-smigħ mingħajr pre-avviż kellu jitqies bħala ammissjoni, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u imponiet il-penali relattiva ta’ €1,164, madanakollu fiċ-ċirkostanzi tal-każ qablet, li tissospendi din id-deċiżjoni u tagħti lill-istazzjon ħmistax-il ġurnata żmien sabiex jonora l-obbligi tiegħu fil-konfront tas-Sinjura Sciriha u fin-nuqqas ta’ dan, il-penali tiġi effettiva immedjatament. Ninfurmak illi f’każ li l-istazzjon jonqos li jonora l-obbligi tiegħu kif indikat apparti l-impożizzjoni tal-imsemmija penali l-Awtorità ser tippubblika d-dettalji u d-deċiżjoni tagħha dwar dan l-ilment. | | | | One TV - X'Hadd Maghna - 24 ta' Marzu 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-14 ta’ Frar, 2010 li fil-programm X’Ħadd Magħna fuq One TV ma kienx hemm separazzjoni bejn ir-rokna informattiva u r-reklamar hekk kif elenkat fiċ-ċirkulari 11/09 dwar l-interpretazzjoni tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. L-Awtorità semgħet lil Ms Joanna Spiteri, Kap tat-Taqsima tad-Dipartiment tal-Monitoring, lill-istazzjon li kien rappreżentat minn Ms Ruth Vella, Senior Manager Broadcasting u lill-Produtturi Ms Antonella Galea Lofredo u s-Sur Joseph Borg li minn naħa tagħhom ikkontendew illi ma kienux konxji illi l-parteċipazzjoni tas-Sur Vince Baldacchino fl-irkejjen informattivi kienet tikkonfliġġi, għall-finijiet tal-interpretazzjoni dwar tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir mar-reklami għall-istess kumpannija waqt l-istess programm. Żiedu illi hekk kif ġew notifikati bl-akkuża huma ħadu l-miżuri neċessarji biex dan in-nuqqas jiġi rettifikat. L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-istazzjon u l-produtturi qablet li, madanakollu l-akkuża kienet ġiet ippruvata u stante li din ma kinitx l-ewwel darba li dan il-programm kiser dawn il-provvedimenti ddeċidiet li timponi il-penali relattiva ta’ €1,164. Liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din in-notifika. | | | | One - Pink Panther - 24 ta' Marzu 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Pink Panther tal-24 ta’ Marzu, 2010 fuq ONE kien hemm ksur tal-paragrafi 4.2, 5.4 u 5.5 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika biex tinġieb ‘il Quddiem l-Ugwaljanza Razzjali. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lil Ms Ruth Vella, Head of TV Brodcasting li qalet illi l-kummenti li kienu saru mis-Sur Joseph Borg waqt l-imsemmi programm ma kienux intenzjonati li jkunu razzisti u kienu kummenti li saru sforz l-inġenwità tal-persuna. Minn naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ikkontenda illi b’din l-akkuża ried li jintbagħat messaġġ lill-produtturi fis-sens li dawn kellhom ikunu aktar attenti u sensittivi għal argumenti konnessi mal-ugwaljanza razzjali, u kien iħoss li f’dan il-każ partikolari l-preżentatriċi kellha tintervjeni. L-Awtorità iddiskutiet is-sottomissjonijiet u iddeċidiet li fiċ-ċirkostanzi ma kellhix tipproċedi ulterjoralment. | | | Favourite Channel - Gran Design - 23 ta' Marzu 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-15 ta’ Frar, 2010 fejn fil-programm Gran Design ma kienx hemm separazzjoni bejn ir-rokna informattiva u r-reklamar hekk kif elenkat fiċ-ċirkulari 11/09 dwar l-interpretazzjoni tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. Fl-assenza tal-Kap Eżekuttiv l-Awtorità semgħet lil Ms Joanna Bugeja, Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring u lill-istazzjon li kien rappreżentat mis-Sur Karl Bonaci u s-Sur Virgilio Pirrone li minn naħa tagħhom ikkontendew illi sa minn meta beda jxandar, l-istazzjon dejjem ipprova jsegwi r-regoli u l-liġi tax-xandir u li dwar il-każ in kwistjoni hekk kif ġew notifikati bl-akkuża huma ħadu l-miżuri neċessarji biex in-nuqqas in eżami jiġi rettifikat. L-Awtorità wara li semgħet kemm lil Ms Joanna Bugeja, Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring u lill-istazzjon qablet li fiċ-ċirkostanzi tal-każ u peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati li kiser l-imsemmija provvedimenti kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. | | | | One - Matinee - 13 ta' Marzu 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Matinee tat13 ta’ Marzu, 2010 kien hemm ksur ta’ paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir kif interpretati permezz ta’ ċirkolari 11/09, meta kien hemm assoċjazzjoni evidenti u għalhekk nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-mistednin fl-irkejjen informattivi tal-moda u tat-tisjir u wħud mir-reklami li xxandru waqt il-programm. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lill-istazzjon li kien rapprezentat minn Ms Ruth Vella u lill-Produtturi is-Sur Rennie Vella u s-Sur Wayne Aquilina li kkontendew li Jeanelle, il-mistiedna fil-parti informattiva dwar il-moda fil-fatt ma kinitx personalita’ magħrufa. Żiedu li it-tim tal-produzzjoni kienu joqgħodu ferm attenti sabiex ir-regoli tal-Awtorità jiġu osservati pjenament, b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-provvedimenti f’paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir. L-Awtorità iddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkostatat illi l-lingwaġġ użat mill-mistiedna fil-parti dwar moda u ċjoe “..minn ta’ l-aħħar collection li għadha kemm waslet..”, jagħti l-wieħed x’jifhem li din kienet qed tirreferi għal prodotti tagħha. L-Awtorità nnutat ukoll li Ms Anna Caruana mistiedna fir-rokna tat-tisjir kienet direttament identifikata f’reklam għal Buffet Breakfast fil-lukanda Antonine, li segwa din ir-rokna. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, iżda peress li din kienet l-ewwel darba li l-programm instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha twissi lill-istazzjon li minn naħa tiegħu kellu jara li tali nuqqas ma jirrepetix ruħu. | | | | One - Arani Issa - 11/25 ta' Frar 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Arani Issa tal-11 u l-25 ta’ Frar, 2010 fuq One TV ma kienx hemm separazzjoni bejn ir-rokna informattiva u r-reklamar hekk kif elenkat fiċ-ċirkulari 11/09 dwar l-interpretazzjoni tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, u kif ukoll ksur ta’ paragrafu 4.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir. L-Awtorità kienet semgħet lil Ms Joanna Spiteri, Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring, lill-istazzjon li kien rappreżentat minn Ms Ruth Vella, Senior Manager Broadcasting u mill-Produttur Dr Joseph Chetcuti li kkontenda illi l-akkuża fil-konfront tal-programm li xxandar fil-11 ta’ Frar, 2010 kellha tkun revokata peress illi dan il-programm kien ixxandar ftit jiem biss wara laqgħa li kienet saret mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità fejn kienu ġew diskussi u iċċarati punti konnessi mal-aspett kummerċjali tal-programm. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li: (i) ma kelliex tipproċedi kontra l-istazzjon fir-rigward tal-edizzjoni tal-programm tal-11 ta’ Frar, peress li dan il-programm kien ixxandar ftit jiem wara laqgħa li kienet saret maċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità fejn kienu ġew diskussi u iċċarati punti konnessi mal-aspett kummerċjali tal-programm u fejn kien hemm qbil dwar kif dawn kellhom jiġu ppreżentati sabiex il-programm jikkonforma mal-liġi, (ii) ma kelliex tipproċedi kontra l-istazzjon fir-rigward tal-parti ta’ l-akkuża li kienet tikkonċerna l-ksur ta’ paragrafu 4.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir, peress li t-taqsima relattiva fil-programm ma kinitx taqa’ taħt dawn ir-regolamenti. Madanakollu, l-Awtorità qablet li fir-rigward tal-parti l-oħra tal-akkuża, l-programm tal-25 ta’ Frar, 2010, ma kienx osserva l-provvedimenti f’paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir fil-kuntest tal-interpretazzjoni permezz ta’ ċirkulari 11/09 meta ma kienx hemm separazzjoni bejn ir-rokna informattiva u r-reklamar, b’mod partikolari, fil-każ fejn il-persuna li applikat il-make-up fuq il-parteċipanta kienet l-istess persuna li dehret f’reklam għal Chemimart liema kumpannija hija wkoll sponser tal-programm. L-Awtorità kkostatat illi fiċ-ċirkostanzi tal-każ in eżami minkejja li xi reklami ixxandru wara t-tmiem tal-programm, il-mod ta’ preżentazzjoni tagħhom ma kienx jirrispetta s-separazzjoni adegwata rikjesta mill-liġi stante li l-preżentazzjoni tagħhom inkluż l-element viżiv kienet tirriduċihom bħala parti integrali mill-programm. In vista ta’ dan, l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata kif indikat, u peress li din ma kinitx l-ewwel darba li l-istazzjoni instab ħati ta’ tali ksur qablet li kellha timponi penali amministrattiva ta’ ta’ elf mija u erbgħa u sittin Ewro (€1,164) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika. | | | | One - X'Ħadd Magħna - 14 ta' Frar 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-14 ta’ Frar, 2010 li fil-programm X’Ħadd Magħna fuq One TV ma kienx hemm separazzjoni bejn ir-rokna informattiva u r-reklamar hekk kif elenkat fiċ-ċirkulari 11/09 dwar l-interpretazzjoni tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. L-Awtorità semgħet lil Ms Joanna Spiteri, Kap tat-Taqsima tad-Dipartiment tal-Monitoring, lill-istazzjon li kien rappreżentat minn Ms Ruth Vella, Senior Manager Broadcasting u lill-Produtturi Ms Antonella Galea Lofredo u s-Sur Joseph Borg li minn naħa tagħhom ikkontendew illi ma kienux konxji illi l-parteċipazzjoni tas-Sur Vince Baldacchino fl-irkejjen informattivi kienet tikkonfliġġi, għall-finijiet tal-interpretazzjoni dwar tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir mar-reklami għall-istess kumpannija waqt l-istess programm. Żiedu illi hekk kif ġew notifikati bl-akkuża huma ħadu l-miżuri neċessarji biex dan in-nuqqas jiġi rettifikat. L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-istazzjon u l-produtturi qablet li, madanakollu l-akkuża kienet ġiet ippruvata u stante li din ma kinitx l-ewwel darba li dan il-programm kiser dawn il-provvedimenti ddeċidiet li timponi il-penali relattiva ta’ €1,164. Liema penali għandha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din in-notifika. | | | | Smash Radio - Xtravagance - 15 ta' Frar 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-programm Xtravagance fuq Smash Radio kien hemm ksur tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm kien hemm nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut u l-element reklamatorju u kif ukoll paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz tat-Telefonati u SMS’s fil-Mezzi tax-Xandir meta il-preżentatur naqas milli jagħti l-prezz tal-SMS tul il-programm kollu. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lill-istazzjon li kien rappreżentat mis-Sur Joe Baldacchino li kkontenda illi n-nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut tal-programm u r-reklamar kien irriżulta minħabba li għal xi raġuni il-ġingle li normalment tintuża sabiex tinħoloq din is-separazzjoni fil-fatt ma ntużatx. Dwar il-prezz tal-SMS, is-Sur Baldacchino talab lill-Awtorità tagħti direzzjoni dwar kif dan l-obbligu legali għandu jiġi applikat fuq is-servizzi radjufoniċi. L-Awtorità ddiskutiet il-każ u filwaqt li qablet mal-proposta tas-Sur Baldacchino dwar il-prezz tal-SMS tant li ddiriġiet li din tiġi indirizzata, iddeċidiet illi l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u l-istazzjon kellu jeħel il-penali rispettiva peress li dan il-ksur irriżulta f’aktar minn okkazzjoni waħda, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba iddeċidiet li tissospendi id-deċiżjoni tagħha għal sitt xhur, u ddiriġiet li matul dan il-perjodu jsir monitoraġġ tat-trasmissjoni tal-istazzjon sabiex jiġi aċċertat li dan kien qed jikkonforma mal-provvedimenti tal-liġi. | | | | One - One News - 25 ta' Jannar 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li fil-25 ta’ Jannar 2010, One News kien kiser il-provvedimenti f’paragrafi 13.3 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li japplikaw għal Bulettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti meta xandar silta minn intervista telefonika mal-Avukat Victor Scerri meta dan ma ġiex infurmat li t-telefonata kienet qed tiġi reġistrata u ma kienx ta l-kunsens tiegħu biex din tkun tista’ tixxandar. L-Awtorità, filwaqt li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet, u rat iċ-ċirkostanzi tal-każ ddeċidiet li mingħajr ma’ tidħol fil-mertu tal-istorja/aħbar li xxandret, ai termini tal-imsemmija provvedimenti l-ġurnalista kellha l-obbligu li tinforma lill-Avukat Scerri li kienet ser tirreġistra t-telefonata u sussegwentement titlob il-kunsens tiegħu sabiex din tixxandar u fin-nuqqas ta’ dan, il-kummenti ma kellhomx jixxandru, proċedura li l-ġurnalista ma segwietx. In oltre, hekk kif irriżulta mit-trattazzjoni tal-partijiet, l-Avukat Scerri kien diġà indika b’mod ċar, d-dissens tiegħu għar-reġistrazzjoni, f’telefonata preċedenti u għalhekk l-istazzjon kien obbligat jirrispetta din id-deċiżjoni. l-Awtorità kienet pjenament konxja mid-diskrezzjoni li kellu jgawdi stazzjon fl-għażla tal-aħbar, madanakollu kienet tħoss li kien hemm aspetti etiċi li kellhom jiġu rispettati u salvagwardjati u dan kien proprju wieħed mill- għanijiet li għalihom kienu saru dawn ir-regolamenti. Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità iddeċidiet illi l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u l-istazzjon kellu jeħel il-penali rispettiva ta’ elf mija u erbgħa u sittin Euro (€1,164). | | | | One - Flimkien ma’ Nancy - 3 ta' Jannar 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tat-3 ta’ Jannar, 2010 fejn One TV kiser il-paragrafi 30, 31 u 43 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. Kien hemm ksur tal-paragrafu 5.2 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir u ksur taċ-Ċirkulari 48/07 dwar ripetizzjoni ta’ programmi televiżivi. Dwar dan il-każ l-Awtorità ikkostatat illi fir-rigward ta’ paragrafi 30 u 31 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-akkuża ma ġietx ippruvata madanakollu l-istazzjon kiser paragrafu 43 tat-Tielet Skeda peress li waqt li rringrazzjat lill-isponsors u l-istabbilimenti li kienu jgħinu l-programm, il-preżentatriċi tat dettalji żejda u promozzjonali dwarhom saħansitra f’każ partikolari (Connie’s Fish Shop) stiednet lit-telespettaturi jżuru l-imsemmi stabbiliment. Fiċ-ċirkostanzi tal-każ, u ċjoe li l-akkuża ma ġietx ippruvata fit-totalità tagħha l-Awtorità iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon u ddiriġiet li l-programm għandu jibqà jiġi segwit sabiex jiġi assikurat li tali nuqqasijiet ma jirrepetux ruħhom. | | | | One TV - Rapport Finanzjarju - 17, 18 ta' Dicembru 2009 u l-4 ta' Jannar 2010 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tas-17 u tat-18 ta’ Diċembru, 2009 u l-4 ta’ Jannar, 2010 fejn One TV kiser il-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, meta waqt Rapport Finanzjarju sponsorjat mill-Bank of Valletta plc, il-preżentatriċi dehret liebsa uniformi tal-istess bank, u fuq l-iskrin deher l-isem u kif ukoll il-logo tal-bank. Wara li l-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv fl-assenza ta’ rappreżentant tal-istazzjon ikkostatat illi, sabiex programmi ta’ dan it-tip ma jiksrux l-imsemmija provvedimenti l-istazzjon kellu jaddotta wieħed minn żewġ mudelli: 1) il-programm jiġi indikat fit-totalità tiegħu bħala tagħrif promozzjonali u l-ħin tiegħu jiġi mnaqqas mit-12-il minuta reklami f’siegħa orarja ai termini tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir; jew 2) il-programm jingħata bixra differenti fis-sens, li jitqies bħala programm sponsorjat u għalhekk matulu ma ssir l-ebda referenza għall-imsemmi bank kemm b’mod viżiv kif ukoll b’mod verbali. Dan ifisser li l-kontenut ikun ħieles minn kwalunkwe rabta ma l-isponsor, f’dan il-każ il-bank. Fiċ-ċirkostanzi l-Awtorità ordnat li din l-irregolarità tieqaf b’mod immedjat u l-programm jikkonforma mal-liġi u f’każ li dan ma jseħħx tkun kostretta tieħu passi ulterjuri. | | | | Net TV - Mix-Xogħol għad-Dar - 11/18 Diċembru 2009 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża tal-11 u t-18 ta’ Diċembru, 2009 fejn NET TV kiser il-paragrafi 31, 32 u 43 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. Dwar dan il-każ l-Awtorità studjat l-akkuża u ikkostatat illi filwaqt li paragrafu 32 ma kienx japplika għall-każ in kwistjoni, l-istazzjon ma ssodisfax il-kriterji kollha marbutin ma’ offerta diretta kif rikjest mill-liġi meta l-preżentatriċi ippromwoviet l-istabbiliment tal-kumpanija u anke stiednet lit-telespettaturi jżuru dan l-istabbiliment, u dan minbarra li matul it-telebejgħ ixxandru diversi reklami ta’ prodotti li toffri l-istess kumpanija u li ma kienux parti mit-telebejgħ. Fiċ-ċirkostanzi tal-każ, u ċjoe li l-akkuża ma ġietx ippruvata fit-totalità tagħha l-Awtorità iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon u ddiriġiet li l-programm għandu jibqà jiġi segwit sabiex jiġi assikurat li tali nuqqas ma jirrepetux ruħhom. |
|
|
 |
|