Circulars




Ċirkulari 4/18

Ċirkulari lill-Istazzjonijiet tat-Televiżjoni

Ripetizzjonijiet fl-Iskeda tas-Sajf

L-Awtorità tagħraf li bħalissa l-istazzjonijiet ikunu qed jippjanaw għall-iskedi tas-sajf u t-tendenza hi li jixxandru numru ta’ programmi ripetuti. Għaldaqstant, qed tinġibed l-attenzjoni fuq numru ta’ punti relatati ma’ ripetizzjonijiet ta’ programmi:-

• Ebda ripetizzjoni ta’ programm li jkun diġà nstab ħati quddiem l-Awtorità ma għandha tixxandar jekk mhux emendata b’tali mod li ma tkun tikser l-ebda dispożizzjoni fl-Att dwar ix-Xandir. Dan japplika wkoll għall-każijiet fejn tkun inġibdet l-attenzjoni mid-Dipartiment tal-Monitoraġġ.
• Films, drama, teleseries u dokumentarji huma eżenti milli jindikaw li huma ripetizzjonijiet sakemm dawn il-programmi ma jkunux jagħmlu parti mill-iskeda preżenti li tkun qed tixxandar.
• Programmi ta’ ġrajjiet kurrenti min-natura tagħhom ma jistgħux jiġu ripetuti minn skeda għall-oħra għaliex l-iskop ta’ ġrajjiet kurrenti jintilef. Anki f’każijiet fejn programm ta’ ġrajjiet kurrenti jiġi ripetut fl-istess skeda, l-istazzjon għandu jara li jekk il-programm ikollu kontenut marbut ma’ ġrajja kurrenti li tkun qed tiżviluppa minn ħin għal ħin, dan il-programm ma jkunx ripetut minħabba li l-andament tal-istorja li tkun qed tiżviluppa jintilef u t-telespettaturi ma jkunux qed jirċievu xandir ta’ kwalità għaliex il-kontenut ma jkunx baqa’ validu jew bosta miċ-ċirkostanzi jkunu nbiddlu u evolvew.
• Il-klassifikazzjoni oriġinali tibqa’ tgħodd u programmi li ma jkunux addattati għal qabel il-watershed ma jistgħux jixxandru qabel il-watershed bħala ripetizzjoni.
• F’każ ta’ kompetizzjonijiet li ma jkunux għadhom validi, it-telespettaturi jridu jkunu mgħarrfa permezz ta’ crawl li l-kompetizzjonijiet ma għadhomx validi.
• L-istazzjon għandu jara wkoll li reklamar jew pop-ups li jixxandru waqt ir-ripetizzjonijiet ma jkunux reklami barra minn żmienhom jew li jkunu jirriflettu offerti li ma jistgħux jiġu mifdija mit-telespettaturi.

Dawn huma l-punti saljenti li l-istazzjonijiet għandhom isegwu fejn se jkun hemm programmi ripetuti fl-iskeda tas-sajf. Kull stazzjon huwa obbligat li jara li il-kontenut kollu li jixxandar ikun konformi mal-Att dwar ix-Xandir.

Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
16 ta’ Mejju 2018
Ref 88/07

-----0-----

Ċirkulari 3/18

Lill-istazzjonijiet kollha tax-xandir

L-Applikazzjoni tal-Provvedimenti fil-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir u Proċedura dwar Penali


Nirreferi għaċ-Ċirkulari 2/18 ikkomunikata aktar kmieni dan ix-xahar u in partikolari għall-paragrafu fl-istess ċirkulari li jaqra s-segwenti:

“L-Awtorità tidderieġi wkoll illi fi kwalunkwe każ il-ħlas ta’ penali imposta mill-Awtorità għandu jsir fi żmien sittin (60) jum mid-data tan-notifika. In mankanza ta’ dan l-Awtorità ser tkun qed tipproċedi b’passi ulterjuri skont il-każ.”

Għal fini ta’ kjarezza niġbed l-attenzjoni għall-fatt illi dan il-paragrafu huwa effettiv immedjatament u mhux kif forsi ngħatat l-impressjoni li dan ser jidħol fis-seħħ u/jew isir applikabbli mill-bidu tal-iskeda t’Ottubru 2018.

Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
11 ta’ Mejju, 2018
Ref. 51/61

-----0-----

Ċirkulari 2/18

Lill-Istazzjonijiet kollha tax-Xandir

L-Applikazzjoni tal-Provvedimenti
fil-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir
u Proċedura dwar Penali


Fil-passat kien hemm prassi fejn fl-applikazzjoni tal-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir li tirrigwarda l-penali marbutin ma’ ksur tal-istess Att, l-Awtorità kienet tikkonsidra kull produzzjoni distinta minn programmi oħrajn fuq l-istess stazzjon. Dan kien ifisser illi meta l-Awtorità, f’każ li tkun ippruvata akkuża, kienet tgħaddi biex tiddeċiedi fuq il-penali, din kienet tħares lejn akkużi u ksur fi programmi oħra mill-istess serje.

Ta’ min ifakkar li fir-rigward tal-Liġi r-responsabbiltà finali marbuta ma’ dak li jixxandar taqa’ direttament u esklussivament taħt l-obbligi tal-istazzjon liċenzjat. Mil-lum ‘il quddiem kull ksur tal-liġi fuq stazzjon ser jitqies fl-assjem tiegħu irrispettivament mill-programmi u/jew kontenut ieħor.

In oltre l-Awtorità tirreferi għall-provvediment tal-liġi fil-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir u tħoss li “F’każ ta’ xi tieni ksur jew ta’ xi ksur ieħor sussegwenti tad-disposizzjonijiet ta’ din l-Iskeda, il-penali msemmija fit-Tieni u fit-Tielet Kolonni ta’ din l-Iskeda għandhom jiżdiedu b’għoxrin fil-mija għat-tieni ksur u b’għoxrin fil-mija oħra għal kull ksur ieħor sussegwenti.

L-Awtorità tidderieġi ukoll illi fi kwalunkwe każ il-ħlas ta’ penali imposta mill-Awtorità għandu jsir fi żmien sittin (60) jum mid-data tan-notifika. In mankanza ta’ dan, l-Awtorità ser tkun qed tipproċedi b’passi ulterjuri skond il-każ.

L-Awtorità tfakkar li biex tiġi applikata penali ridotta hekk kif indikat f’paragrafu 2 tal-Ħames Skeda mal-Att dwar ix-Xandir, stazzjon irid jinforma lill-Awtorità li ma jkunx ser jikkontesta l-akkuża fi żmien ħmistax-il jum minn meta toħroġ l-istess akkuża.

Dawn il-miżuri ser ikunu effettivi mill-iskeda t’Ottubru tas-sena kurrenti elfejn u tmintax (2018) ‘il quddiem.


Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
7 ta’ Mejju, 2018
Ref. 51/61


Press here for Circulars Archive