Latest Comm




Ċirkulari 3/19

Ċirkulari għall-istazzjonijiet tar-Radju tal-Komunità

Intervisti ma’ Kandidati li se jikkontestaw l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ Mejju li ġej, l-Awtorità tax-Xandir qed tagħti l-opportunità lill-istazzjonijiet tar-radju tal-komunità biex ikunu jistgħu jtellgħu programmi ta’ intervisti ma’ kandidati li se jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fil-lokalità. Dawn il-programmi mhumiex obbligatorji. Huwa l-istazzjon li jiddeċiedi jtellax programmi bħal dawn, madankollu dawk l-istazzjonijiet li jagħżlu li jtellgħu dawn il-programmi qed ikunu obbligati li jimxu ma’ dawn il-kundizzjonijiet: 

  1. Ir-radju tal-komunità jista’ jintervista BISS dawk il-kandidati li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali f’dik l-lokalità fejn huwa liċenzjat.
  2. L-intervisti jridu jsiru mal-kandidati KOLLHA li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, kemm dawk li se jikkontestaw f’isem il-partiti kif ukoll dawk indipendenti.
  3. Dawn il-programmi jistgħu jibdew jixxandru biss wara li jkunu għalqu n-nomini mill-Kummissjoni Elettorali biex b’hekk ikunu magħrufa l-kandidati kollha. Dawn il-programmi jistgħu jibqgħu jixxandru sat-23 ta’ Mejju 2019.
  4. Dawn il-programmi jistgħu jsiru taħt forma ta’ intervista one to one bil-għan li n-nies tal-lokal isiru jafu min huma l-kandidati f’dak il-lokal, x’qed jipproponu li jkun hemm fil-lokalità u jitkellmu dwar l-operat tal-lokal.
  5. Kull programm jista’ jkun ripetut darba waħda biss.
  6. L-intervisti mal-kandidati għandhom jixxandru fl-ordni alfabetiku tal-ismijiet tal-kandidati.
  7. Il-format tal-programm irid jinżamm l-istess għal kull kandidat, inkluż it-tul tal-intervisti.
  8. Dawn il-programmi ma jistgħux jinkludu telefonati mis-semmiegħa.
  9. L-istazzjon irid jipprovdi lill-Awtorità l-ismijiet tal-kandidat/i li jkunu se jiġu intervistati minn ġimgħa għal ġimgħa.
  10. Fl-aħħar tas-sensiela l-istazzjon għandu jinforma lis-semmiegħa b’dawk il-kandidati li ma ġewx intervistati għax ma jkunux laqgħu l-istedina tal-istazzjon.
  11. Ma’ din iċ-Ċirkulari jibqgħu japplikaw il-provvedimenti kollha l-oħra tal-liġi tax-xandir.

Din iċ-Ċirkulari hija bla preġudizzju għal kull direttiva oħra li tista’ toħroġ l-Awtorità minn żmien għal żmien.

Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
11 ta’ Frar 2019
Ref 3/19


Stqarrija għall-Istampa
Nru. 01/19

Spazju ġdid fuq ir-radju għall-kandidati għall-Parlament Ewropew

Bil-ħsieb li l-kandidati kollha ikollhom aktar opportunitajiet biex jikkomunikaw il-messaġġ tagħhom lill-elettorat, l-Awtorità tax-Xandir, bis-saħħa ta’ Paragrafu 1 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, ħadet l-inizjattiva li, għall-ewwel darba f’elezzjoni, tawtorizza l-istazzjonijiet tar-radju nazzjonali jagħtu spazju lill-kandidati li se jikkontestaw għall-Parlament Ewropew, billi jilqgħu minn għandhom talbiet għal reklamar bi ħlas ta’ laqgħat ta’ informazzjoni li jkunu ser itellgħu jew jorganizzaw.

Din l-iskema tibda bi prova mill-1 ta’ Frar 2019 u tispiċċa fit-28 ta’ Frar. Wara tmiem l-ewwel xahar l-Awtorità se tkun qed tikkunsidra t-tiġdid tal-iskema skont il-każ. Din l-iskema se tkun qed titħaddem b’ċerti kundizzjonijiet ta’ garanzija u trasparenza li ġew ikkomunikati bħala Direttiva lill-istazzjonijiet tar-radju nazzjonali kollha.

F’kumment, l-Awtorità stqarret li “Iktar ma’ l-iskema, bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, titħaddem tajjeb, hemm aktar possibilità li tiġġedded għax-xhur ta’ wara. Abbużi u immanuvrar strateġiku, fost oħrajn, li jimminaw l-iskop u l-ispirtu ta’ din l-inizjattiva, ċertament ma jgħinux”.

Dawk il-kandidati interessati, għandhom jikkomunikaw direttament ma’ l-istazzjon jew stazzjonijiet fejn jixtiequ jippromwovu l-l-laqgħat ta’ informazzjoni tagħhom. Id-dettalji ta’ l-iskema huma wkoll disponibbli pubblikament fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tax-Xandir.


28 ta’ Jannar 2019

-----0-----

Media Release 
No. 01/19

New Airtime on Radio for Candidates of European Parliament Elections


In order for all candidates to have more opportunities to communicate their message to the electorate, the Broadcasting Authority, in accordance with Paragraph 1 of the Third Schedule to the Broadcasting Act, has taken the initiative, for the first time preceding an election, to authorise nationwide radio stations to provide airtime to European Parliament Election candidates by receiving their requests for paid advertisements of information meetings they would be organising.

This scheme starts on trial on 1st February 2019 and ends on 28th February 2019. After the first month, the Authority will consider the renewal of the scheme according to the situation. This scheme will function as per certain conditions of accountability and transparency which were communicated as a Directive to all nationwide radio stations.

In a comment, the Authority declared that “If the scheme works well, with everyone’s cooperation, there is a greater possibility that it would be renewed for the following months. Abuse and strategic manoeuvring, amongst other things, that undermine the scope and spirit of this initiative, certainly do not help”.

Interested candidates should communicate directly with the station or stations where they wish to promote their information meetings. Details of the scheme are also publicly available on the Broadcasting Authority’s website.

28th January 2019


02/19
Ċirkulari lill-istazzjonijiet tar-radju nazzjonali

DIRETTIVA
ELEZZJONI PARLAMENT EWROPEW

Xandir ta’ Reklamar bi Ħlas fuq l-Istazzjonijiet tar-Radju Nazzjonali

Ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità qed tikkomunika din id-direttiva li tawtorizza lill-istazzjonijiet tar-radju nazzjonali biex jagħtu spazju lill-kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew billi jilqgħu talbiet għal reklamar bi ħlas ta’ laqgħat ta’ informazzjoni li jkunu ser itellgħu. Din id-direttiva se tiġi fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019.

Ir-rendikont mitlub f’din id-Direttiva kif ukoll informazzjoni u kjarifika għandha tintbagħat fuq info.ba@ba.org.mt u l-mistoqsijiet jiġu indirizzati lill-Kap tad-Dipartiment tal-Moniteraġġ, Randolph Micallef.

Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
25 ta’ Jannar 2019

Agħfas hawn biex tniżżel kopja.