NET TV - NET News u Newsroom - 17 ta' Ottubru 2011




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar Net News tas-16 t’Ottubru u Newsroom tas-17 t’Ottubru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 8.6 tal-Avviż Legali 350.14 tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bullettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u kif ukoll Paragrafi 3.2 u 3.2.1 tal-Avviż Legali 350.16 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar kif għandhom ikunu rappurtati Traġedji fix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, kif ukoll lis-Sinjuri Nathaniel Attard, Simon Vella Gregory u Robert Cremona li dehru f’isem l-istazzjon, li minn naħa tagħhom ikkontendew li l-istazzjon kien tratta din l-istorja bl-istess mod li kien għamel f’okkażżjonijiet simili fil-passat u fl-ebda mument ma kien konxju b’xi nuqqas li setgħa kien qed jikkommetti l-istazzjon.  L-istazzjon irrilieva li qabel sar ir-rapport in eżami l-istazzjon kien talab u ottjena il-kunsens tal-familjari tal-vittma, in oltre l-istess familjari esprimew ruħhom pożittivament dwar il-mod kif kien ġie irrapportat il-funeral. L-istazzjon saħaq Ii kien inevitabbli li f’ċirkostanzi partikolari u diffiċli bħal fil-każ in eżami, l-aspett emozzjonali jkun qawwi.

L-Awtorità, iddiskutiet fit-tul din l-akkuża u għalkemm apprezzat il-fatt li f’ċirkostanzi simili (traġiċi) il-linja ta’ demarkazzjoni bejn ir-rapport ġurnalistiku bbażat fuq il-valur tal-aħbar u r-rispett lejn il-privatezza kienet waħda sottili u suġġettiva, xorta waħda kien hemm elementi li b’mod evidenti kienu jikkostitwixxu eċċess.

L-Awtorità irriteniet li close-ups fuq persuni fi stat emozzjonalment diffiċli kellhom ikunu evitati u dan b’rispett lejn id-dinjità tal-istess individwi. Żiedet li kien pożittiv il-fatt li l-istazzjon jitlob il-kunsens tal-partijiet interessati; madanakollu dan l-istess kunsens ma kienx jeżonera l-istess stazzjon mill-obbligu li jkun kawt u sensittiv u jfittex li ma jkunx sensazzjonali f’mumenti tant partikolari.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità dehrilha li ma kelliex issib ħtija kontra l-istazzjon. Madankollu riedet tieħu din l-opportunità biex tinforma lill-istazzjon li fil-waqt li din bl-ebda mod ma riedet tiftiehem li qed iżżomm lil xi stazzjon milli jirraporta traġedji u/jew funerali, riedet tfakkar fil-ħtieġa ta’ osservanza ta’ sensittività ta’ dawn il-każi u tal-obbligi li joħorġu mill-Ligi tax-Xandir dwar rapportaġġ ta’ avvenimenti simili, partikolarment dawk li joħorġu minn klawsoli 2.2, 2.3, kif ukoll 3.1, 3.2, 3.2.1, 3.2.4 tal-Avviż Legali 360.16.

L-Awtorità saħqet li kienet ser tibqa’ tkun viġilanti dwar l-osservanza ta’ dawn l-obbligi min-naħa tal-istazzjonijiet.