Net TV - Ordos Miss World Malta - 9 ta' Ġunju 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Net TV dwar il-programm Ordos Miss World fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16 K(a) tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm il-mistiedna Dorianne Catania għamlet kummenti u tat tagħrif meqjus reklamatorju filwaqt li dehru prodotti  f’parti mill-programm li ma kienitx indikata bħala tali.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Josef Fitzpatrick li deher  f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sinjuri Sue Rossi u Claudia Calleja mit-tim tal-produzzjoni, bħala xhieda mressqa mill-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-3 ta’ Lulju, 2012.  Il-produtturi filwaqt li ammettew l-akkuża, irrilevaw il-fatt li huma dejjem irrikorrew għand l-Awtorità għal direzzjoni meta kellhom dubbji dwar xi trażmissjoni u dan fi sforz biex iżommu livell għoli ta’ produzzjoni u fl-istess waqt jaderixxu pjenament mar-regolamenti viġenti.  Żiedu li din kienet l-ewwel darba li kienu qed jidhru quddiem l-Awtorità minħabba ksur ta’ dan it-tip u għalhekk talbu l-klemenza.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon, iddeċidiet li peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur din kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

11 ta' Lulju 2012