ONE - Fun and Splash - 26 ta' Lulju, 2 u 9 t'Awwissu 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Fun and Splash li xxandar fis-26 ta’ Lulju u fit-2 u d-9 t’Awwissu, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt ir-rokna mal-kok dehret banner tal-Park Towers Supermarket u xxandar ukoll reklam spot tal-istess ditta u ksur ta’ Artiklu 16M(3)(ċ) tal-Att dwar ix-Xandir meta ingħatat prominenza mhux dovuta lill-prodotti Senscience li kienu esebiti fl-istudjo bi ksur tal-provvedimenti dwar tqegħid ta’ prodott.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef li dehret għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon u lil Charmaine Cassar f’isem il-produtturi, f’seduta li nżammet fid-9 ta’ Settembru, 2014.

Minn naħa tagħha Ms Vella Micallef ikkontendiet li l-ewwel ħames programmi tas-sensiela kellhom ir-rokna tal-kok irrekordjati minn qabel u għaldaqstant minħabba kwistjoni loġistika, l-istazzjon ma setgħax jagħmel it-tibdil neċessarju għalkemm kien sar tentattiv biex partijiet jiġu mgħottija.  Dwar ir-rokna informattiva u l-prodotti Sensience Ms Cassar qalet li din kienet l-ewwel esperjenza tal-preżentazzjoni u kienet għadha qed ssir familjari mal-provvedimenti tal-liġi f’dan ir-rigward.  Hija saħqet li ma kellha l-ebda ntenzjoni li tmur kontra l-provvedimenti tal-Liġi tax-Xandir u nfatti malli nġibdet l-attenzjoni tagħha għal xi nuqqasijiet f’dan ir-rigward mill-ewwel ħadet passi biex dawn jiġu rimedjati.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-akkuża kienet tirriżulta madanakollu stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm, meta ġiet biex tikkonsidra l-imposizzjoni tal-penali, iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.

Illum 17 ta’ Settembru, 2014