ONE - In D House - 6 ta' Diċembru 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm In D House li xxandar fis-6 ta’ Diċembru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16M (3)(c) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt il-programm kien hemm prominenza żejda għall-prodotti Raffaella u Mio kif ukoll nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut tal-programm u r-reklamar bi ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir f’rokna dwar l-istorage fil-kċejjen ippreżentata minn Andrew Debattista li sussegwentement deher ukoll fir-reklam ta’ Smart Homes.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef li dehret għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sinjura Pauline Agius għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-15 t’April, 2014.

Is-Sinjura Agius filwaqt li ammettiet il-parti tal-akkuża dwar Smart Homes, ikkontendiet li r-rokna ma’ Andrew Debattista (li kienet irrekorjdata minn qabel) kienet ġiet introdotta fil-programm fl-aħħar mumenti u dan biex tkun rimedjata l-assenza imprevista ta’ wieħed mill-mistiedna.  Żiedet li f’dan il-każ ir-rokna minn Andrew Debattista u reklamar għal Smart Homes mill-istess ma kienitx ippjanata u kienet inċidentali.

Is-Sinjura Agius qalet li l-prodotti Raffaella (ċikkulatini) kienu fil-fatt rigali li kellhom jitqassmu fil-programm partikolari u ma kienux preżenti tul is-sensiela kollha.  Żiedet li r-referenza għall-kafe A Modo Mio setgħet kienet eċċessiva madanakollu din kienet abbinata maż-żmien tal-Milied.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-akkuża kienet tirriżulta madanakollu stante li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqasijiet.

Illum 22 t’April, 2014