ONE - Kalamita - 26 ta' Ġunju 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Kalamita li xxandar fis-26 ta’ Ġunju, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon xandar total ta’ 14-il minuta u 49 sekonda ta’ reklamar.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef li dehret għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sur Alfred Zammit li deher f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fid-9 ta’ Settembru, 2014.

Minn naħa tiegħu s-Sur Zammit filwaqt li ammetta l-akkuża, ikkontenda li minkejja l-preparazzjoni dettaljata dwar it-tqassim tal-ħin, minħabba l-fatt li l-programm huwa fil-parti l-kbira tiegħu live xi drabi, partikolarment meta jkun hemm irkejjen b’mistednin fl-istudjo, xi taqsimiet jeċċedu l-ħinijiet stipulati.  Żied li l-produzzjoni tieħu għadd ta’ miżuri sabiex dawn is-sitwazzjonijiet ma javverrawx ruħhom.

Is-Sur Zammit qal li l-programm in kwistjoni, inċidentalment kien l-aħħar wieħed tas-sensiela u għalhekk kien jinkludi aktar irkejjen li affettwaw negattivament it-tqassim tar-reklami.

L-Awtorità in vista tal-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur dwar dan il-programm, imponiet il-penali relattiva u ċjoe’ €930 liema penali kellha titħallas fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika.

Illum 17 ta’ Settembru, 2014