ONE - Reklamar - 28 ta' Novembru 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar xandira tat-28 ta’ Novembru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon xandar total ta’ 17-il minuta u 43 sekonda ta’ reklamar.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella Micallef, f’sedua li nżammet fil-11 ta’ Frar, 2014,  li kienet qed tidher għan-nom u fl-interess tal-istazzjon u li minn naħa tagħha filwaqt li ammettiet li matul is-siegħa li għaliha saret riferenza fl-akkuża li l-ammont ta’ ħin ta’ reklami kien aktar mit-12 il-minuta permessi mill-Liġi, ippreżentat kopja tal-log sheet tat-trażmissjoni ta’ dakinhar u spjegat li minħabba over-running tal-Aħbarijiet ta’ dakinhar, il-programmi bdew tard u s-slot li kellu jixxandar qabel id-9pm fil-fatt beda fid-9.01pm u għalhekk b’dak is-slot inqabeż il-ħin permissibbli. Hija assigurat lill-Bord li dan kien nuqqas ġenwin u mhux talli ma kien hemm l-ebda ntenzjoni li jsir ksur tal-Liġi talli diġa ttieħdu passi biex tali istanzi ta’ spostament ta’ ħinijiet dedikati għal reklami jiġu possibilment eliminati.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet b’mod partikolari tal-fatt li l-istazzjon ma kellux kontroll fuq iċ-ċaqlieq fl-iskeda dakinnhar u li ma kienx possibbli li jirrimedja s-sitwazzjoni, u ddeċidiet li minkejja li l-akkuża tirriżulta, minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ ma ħassitx li kellha timponi l-penali relattiva.

Illum 17 ta’ Frar, 2014