PBS - Partit Nazzjonalista - 4 ta' Mejju 2017




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward l-aħbarijiet ta’TVM tat-4 ta’ Mejju 2017


L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 6 ta’ Mejju 2017 rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tal-4 ta’ Mejju 2017 rigwardanti r-rapport dwar id-Digriet li ngħata mill-Maġistrat Aaron Bugeja b’konnessjoni mal-investigazzjoni fil-konfront ta’ Keith Schembri u Brian Tonna, li xxandret fil-bulettin prinċipali fuq l-istazzjon tal-PBS, TVM, nhar il-Ħamis 4 ta’ Mejju, fejn ġie allegat li l-aħbarijiet kienu qed ‘jinkitbu b’mod li jidher ċar li qed isir sforz biex jinħeba l-aġir ħażin tal-Gvern’. In vista ta’ dan il-Partit Nazzjonalista kien qed jitlob rimedju biex dawn il-features jerġgħu jsiru b’mod xieraq u dan biex jirriflettu l-verità tal-fatti.

L-Awtorità semgħet lil Dr Francis Zammit Dimech u lis-Sur Matthew Bonnett, Direttur Informazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet fid-9 ta’ Mejju 2017.

Dr Francis Zammt Dimech qal li l-obbligu fuq ix-xandâr pubbliku li jirraporta b’terminoloġija ċara u bi trattament xieraq jilħaq il-qofol tiegħu proprju fil-każ ta’ deċiżjoni tal-Qorti fejn iċ-ċittadin għandu dritt ikun infurmat bl-aktar mod preċiż dwar dak li jkun qal il-Maġistrat. Żied li kulħadd kien jaqbel illi fid-Digriet tiegħu dwar il-każ in kwistjoni il-Maġistrat Aaron Bugeja kkonkluda li mill-fatti ppreżentati kien hemm il-pre-rekwiżiti biex issir investigazzjoni fil-konfront ta’ Schembri u Tonna, madanakollu dan ma kienx ċar fir-rapport tal-PBS Ltd, bir-riżultat li min sema’ r-rapport ma jafx eżatt x’qalet il-Qorti.

Dr Zammit Dimech qal li dan kien nuqqas serju għax dan kellu jkun rappurtaġġ ċar u minflok deliberatament dan is-servizz ma kienx.

Min-naħa tiegħu Dr Mark Vassallo qal li dan id-Digriet kien irrappurtat fuq diversi mezzi tax-Xandir madanakollu mhux neċessarjament li kulħadd fehem korrettament dak li kkonkluda l-Maġistrat. Filwaqt li spjega fid-dettal it-teknikalita legali wara l-imsemmi Digriet qal li dan l-ilment kien frivolu u vessatorju għaliex ir-rappurtaġġ fl-assjem tiegħu (inkluż l-introduzzjoni/lead-in) kien wieħed fidil ħafna għall-kontenut tad-Digriet.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoniiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva iddeċidiet li l-ilment ma kienx jirriżulta.

Illum 10 ta’ Mejju, 2017