PBS - Partit Nazzjonalista - 17 ta' Mejju 2017




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward il-Bulettin tal-Aħbarijiet ta’ TVM tas-17 ta’ Mejju 2017


L-Awtorità kellha quddiemha lment mill-Partit Nazzjonalista datat 18 ta’ Mejju 2017 rigward l-Aħbaijiet ta’ TVM tas-17 ta’ Mejju 2017. Il-Partit Nazzjonalista ilmenta dwar il-mod kif qed isir ir-rappurtaġġ fuq l-aħbarijiet tal-PBS meta dan “għażel konxjament li jikkwota lil Dr Muscat dwar x’qal Dr Busuttil, bil-konsegwenza li Dr Muscat, għal darb’oħra, bażwar kif ried hu l-kliem ta’ Dr Busuttil li skont ma’ rrappurta l-istazzjon nazzjonali, ‘jirreferi għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni li l-poplu jagħmel għażliet ħżiena’”.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Matthew Bonett, Direttur Informazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet fid-19 ta’ Mejju 2017.

Is-Sur Bonett ikkontenda li fir-rapport dwar id-dibattitu bejn il-mexxejja tal-partiti li sar fl-Università l-istazzjon kien attribwixxa kliem lill-Kap tal-Oppożizzjoni li fil-fatt ma kienx qal. Żied li l-prinċipju wara dan l-ilment kien diġà ġie trattat mill-Awtorità f’każ simili fejn din kienet ġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon biex ikun aktar attent u preċiż fir-rapporti tiegħu.

Dr Mark Vassallo filwaqt li ammetta li l-parti tat-test fir-rapport li għaliha kien jirreferi l-ilment ma kienitx waħda feliċi u setgħet kienet aktar ċara, saħaq li kien evidenti li dan il-każ ma kienx intenzjonat, u f’ċirkostanzi bħal dawn l-Awtorità kellha tieħu konjizzjoni tar-rapport sħiħ u fit-totalità tiegħu u mhux ta’ silta qasira minnu.

L-Awtorità, wara li nnutat is-sottomissjonijiet tal-partijiet, id-dokumentazzjoni relattiva, kif ukoll tal-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon li kkonferma li t-test li għalih jirreferi dan il-każ ma kienx wieħed feliċi, iddeċidiet li l-ilment tal-Partit Nazzjonalista kien ġustifikat. L-Awtorita’, filwaqt li kienet tirrikonoxxi l-kundizzjonijet partikolari li fihom jaħdmu l-ġurnalisti tal-istazzjonijiet waqt kampanja elettorali, saħqet mill-ġdid fuq l-importanza li r-rapporti ikunu preċiżi u korretti għall-benefiċċju tas-semmiegħa u t-telespettaturi.

Illum 19 ta’ Mejju, 2017