PBS - Partit Nazzjonalista - 5 ta' Mejju 2017




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward il-Bulettin tal-Aħbarijiet fuq TVM tal-5 ta’ Mejju 2017


L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 7 ta’ Mejju 2017 dwar il-Bulettin tal-Aħbarijiet fuq TVM tal-5 ta’ Mejju 2017 rigwardanti fl-ewwel lok l-użu ta’ verbi u tattiċi fir-rapport tal-aħbarijiet li skont il-partit ma kienx aċċettabbli u għalhekk tali aġir kellu “jiġi sanzjonat” u fit-tieni lok ix-xandir ta’ “tliet features li ma ddaħħlux fil-faxxa dwar l-elezzjonijiet ġenerali bl-iskop ovvju biex il-Partit Laburista jingħata vantaġġ fil-ħin u fl-exposure” u li dwar din il-parti tal-ilment “il-Partit Nazzjonalista talab rimedju billi jingħata l-ħin eżatt daqs dawn il-features imsemmija biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu dwar kull wieħed minn dawn is-suġġetti.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Matthew Bonett, Direttur Informazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet fl-10 ta’ Mejju 2017.

Minn naħa tiegħu s-Sur Matthew Bonett meta rrefera għall-ewwel parti tal-ilment, qal li bħal fil-każ tal-ilment preċedenti kienet saret il-prassi li l-istazzjon juża ċerti verbi meta jirrapporta lil Dr Joseph Muscat u verbi oħrajn meta jirraporta lil Dr Simon Busuttil. Is-Sur Matthew Bonett filwaqt li rrefera għal eżempji, qal li “anki fl-għażla tal-kitba fl-iskroll taħt il-feature qed isir manuvrar sottili fil-kitba biex jingħata vantaġġ lill-Partit Laburista”.

Dwar it-tieni parti tal-ilment s-Sur Matthew Bonett rrefera għal tliet features li xxandru fl-istess bulettin u li ma ddaħħlux fil-faxxa dwar l-elezzjonijiet ġenerali. Żied li s-servizz dwar il-junction tal-Kappara kien rrappurtat qisu xi news feature ta’ aħbarijiet kurrenti u li l-kontenut kien ta’ natura politika partiġġjana għall-aħħar.

Is-Sur Matthew Bonett qal li servizz dwar il-korsa għat-tlielaq tal-karozzi u l-muturi sar ukoll barra din il-faxxa hekk ukoll il-feature dwar il-ftuħ tal-iskola medja tar-Rabat liema servizzi kienu meqjusa ta’ propaganda politika li ma jwasslux għal tqassim ġust tal-ħin.

Minn naħa tiegħu Dr Mark Vassallo qal li l-ewwel parti tal-ilment kienet riflessa u kienet ġiet trattata f’ilment preċedenti u ma setgħax jifhem id-differenza u għalhekk il-problema wara l-għażla tal-kliem mill-ġurnalista. Żied li fil-każ tat-titli dawn kienu jissupplimentaw is-servizz u l-għażla tagħhom kienet fid-diskrezzjoni tal-Editur. Dr Mark Vassallo qal li l-features li għalihom tirreferi t-tieni parti tal-ilment ma kinux ta’ natura purament politika u kien importanti li dwar dan issir distinzjoni, għaliex il-ħidma tal-Gvern tibqa’ għaddejja.

Is-Sur Reno Bugeja qal li l-proġett tal-Junction tal-Kappara kien proġett ta’ importanza Nazzjonali u s-servizz dwar it-trakka għat-tlielaq tal-karozzi u muturi wkoll kellu valur t’aħbar. Żied li min kien irrejaġixxa dwar dan il-proġett kien ingħata exposure u l-faċilità li jwassal l-argumenti tiegħu. Żied li kieku kien hemm pożizzjoni mill-Partit Nazzjonalista dwar dan, din kienet tixxandar.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoniiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva u kif ukoll id-deċiżjoni preċedenti tagħha iddeċidiet li l-ilment ma kienx jirriżulta.

Illum 12 ta’ Mejju, 2017