
Ċirkulari Nru 4/02
Reklamar fi Programmi fuq it-Televżjoni
Il-każijiet ta’ ksur tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir li l-Awtorità sabet fi programmi tat-televiżjoni huma dawn li ġejjin:
1. il-jingle ta’ ditta partikolari qed jindaqq u mhux qed jittella’ l-caption ‘Messaġġ Promozzjonali’ meta dan il-jingle jindaqq;
2. qed jissemmew l-ismijiet tal-prodotti bil-brand name minflok jingħad il-ġeneru ta’ l-oġġett eż. food processor, forn, cooker, steamer, eċċ;
3. meta l-isem tad-ditta ma jissemmix mill-preżentaturi / preżentatriċi jew min-nies li jkun hemm igħinu fir-riċetta, dan qed jissemma mit-telespettaturi li jċemplu waqt il-phone-ins. F’dan il-każ il-preżentaturi/preżentatriċi jkunu jridu, qabel ma jibdew jirċievu t-telefonati, javżaw lit-telespettaturi biex ma jużawx l-isem tad-ditta tal-food processor, eċċ. u f’każ li dan isir jinterrompu lit-telespettaturi biex iwaqqfuhom milli jkomplu jagħmlu dan;
4. mhux permess li fir-rokna tal-kċina jew f’xi rkejjen oħra jintuża l-istess xenarju u l-istess preżentatur/preżentatriċi biex isir messaġġ promozzjonali. Jekk eżattament wara xi rokna nformattiva jew edukattiva jkun se jsir reklam, m’għandux jintuża l-istess xenarju u r-reklam m’għandux isir mill-istess preżentatur/preżentatriċi;
5. kemm il-preżentatur/preżentatriċi u kemm il-mistiednin ġieli jkunu liebsin fardall li jkollu fuqu isem ta’ ditta jew ta’ prodott;
6. m’għandhomx jissemmew il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-prodotti in kwistjoni sakemm ma jittellgħux fuq l-iscreen il-kliem ‘Messaġġ Promozzjonali’;
7. skond il-paragrafu 26 tal-Kodiċi tax-Xandir ta’ l-2000 dwar il-Protezzjoni tal-Minuri, jekk il-minuri jintwerew fi programmi ta’ xorta kummerċjali, huma m’għandhomx jintwerew jippreżentaw prodotti jew servizzi li huma stess ma jkunux mistennija li jixtru;
8. meta jkun hemm koki fl-istudio l-preżentaturi/preżentatriċi m’għandhomx jintroduċuhom bl-isem ta’ l-istabbiliment fejn il-koki jkunu jaħdmu;
9. m’għandux jingħad liema tkun il-kumpanija li tipprovdi l-prodotti li jkunu se jintużaw fil-programmi;
10. m’għandux ikun hemm iffukar fuq l-isem tal-prodotti in kwistjoni;
11. meta tkun se ssir fiera fit-Trade Fair Grounds in-Naxxar, m’għandux jissemma li l-prodotti in kwistjoni se jkunu għall-bejgħ.
30 ta’ Jannar 2002