
Ċirkulari 21/06
Ħwejjeġ tad-Ditta fi Programmi ta’ l-Isports
L-Awtorità qed tinnota li fi programmi sportivi qed jiġu mistiedna biex jieħdu sehem players li jkunu liebsin il-kit tat-tim rispettiv tagħhom fejn dan ikollu fuqu isem l-isponsor/s, ditta, servizz jew prodott li jkun qed jisponsorja t-tim partikolari.
L-Awtorità hija lesta li tippermetti li dan isir dment li:–
a) il-preżentatur jew xi membru tat-tim tal-produzzjoni ma jkun liebes ebda ħwejjeġ tad-ditta fejn ikun jidher l-isem ta’ l-isponsor jew ta’ xi ditta u/jew prodotti/servizzi partikolari;
b) ma jkun hemm l-ebda ffukar jew close-ups fuq dawn l-ismijiet tal-ħwejjeġ tad-ditta jew prodotti/servizzi partikolari;
c) b’mod eċċezzjonali il-mistiedna f’programm u l-udjenza jistgħu jilbsu designer clothes, basta li ma jkun hemm l-ebda ffukar jew close-ups fuq dawn l-ismijiet tal-ħwejjeġ tad-ditta jew ta’ prodotti/servizzi partikolari.
Ilbies ta’ Bath Robes
Mhux l-ewwel darba li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn persuni jidhru lebsin bath robes b’isem ta’ salon jew ċentru ta’ sbuħija jew xi lukanda. L-Awtorità hija talfehma li:–
a) il-preżentatur jew xi membru tat-tim tal-produzzjoni ma jkun liebes ebda ħwejjeġ tad-ditta fejn ikun jidher l-isem ta’ l-isponsor jew ta’ xi ditta u/jew prodotti/servizzi partikolari; u
b) ma jkun hemm l-ebda ffukar jew close-ups fuq dawn l-ismijiet tal-ħwejjeġ tad-ditta jew prodotti/servizzi partikolari.
Sponsorship ta’ Rokna ta’ Minuta
L-Awtorità qed tinnota każijiet fejn rokna ta’ minuta tiġi sponsorjata meta dik ir-rokna ma toffri l-ebda element ta’ tagħrif iżda tintuża biss biex tagħti spazju lill-prodotti u/jew servizzi ta’ sponsor ta’ programm. F’dawn il-każijiet l-Awtorità hi tal-fehma li r-regolamenti ta’ l-isponsorship ma japplikawx u li minflok japplikaw dawk dwar reklamar. Biex rokna ta’ minuta tkun tista’ tiġi sponsorjata:–
a) ma tridx tippromovi, anke b’mod indirett, il-prodotti jew is-servizzi ta’ l-isponsor;
b) irid ikollha valur edukattiv jew informattiv;
c) ma jkolliex kontenut reklamatorju fiha;
d) ma tkunx itwal minn minuta.
Jekk wieħed minn dawn l-erba’ kriterji jinkiser, dik ir-rokna titqies li hija reklamar u tiġi regolata bir-regolamenti tar-reklamar.
Trażmissjonijiet minn Stabbilimenti
L-Awtorità qed tinnota wkoll illi ċerti programmi tar-radju qed jixxandru minn ġewwa stabbiliment fejn il-preżentatur, f’mument wieħed ikun qed jippreżenta l-programm, u f’mument ieħor jippromwovi l-istabbiliment. Dan mhux konformi mal-liġi peress li jikser ir-regola tas-separazzjoni bejn programm u kontenut reklamatorju.
Id-Dipartiment tal-Monitoring għalhekk se jkun qed isegwi l-programmi biex jara li l-liġi tiġi osservata.
Aggregar tal-ħin tar-reklamar
Skond il-paragrafu 28 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir, l-ammont ta’ ħin dedikat għal reklamar u teleshopping fuq servizzi tar-radju m’għandux jaqbeż ħmistax-il minuta f’siegħa orarja. Madankollu hu possibbli li l-ħin tar-reklamar jiġi aggregat għal perijodu kontinwu li ma jaqbiżx sagħtejn f’kull perijodu ta’ tnax-il siegħa. L-Awtorità ddeċidiet li dawn it-tnax-il siegħa għandhom jiġu kalkulati kif ġej:
a) l-ewwel tnax-il siegħa: mis-sitta ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija;
b) it-tieni tnax-il siegħa: mis-sitta ta’ filgħaxija sas-sitta ta’ filgħodu.
4 ta’ Mejju 2006