| (i) | Min jiġi mistieden sabiex jipparteċipa f’parti informattiva ta’ programm ma tistax tkun persuna li b’xi mod tkun assoċjata ma’ l-entita’ li tkun qed tisponsorja l-programm jew xi rokna tal-programm, jew li tkun qed tirreklama f’dak il-programm. Għal dan il-għan, l-Awtorita' bi ħsiebha tagħti interpretazzjoni wiesgħa ta’ x’jikkostitwixxi ‘parti informattiva tal-programm’. Per eżempju, rokna ta’ programm dwar tisjir ta’ ikel titqies bħala parti informattiva; |
(ii) | Preżentatur ta’ programm ma jistax jieħu parti f’reklam li jkun qed jippromovi prodott jew servizz ta’ l-istess ġeneru li jkun ġie ittrattat fil-parti informattiva tal-programm. B’danakollu, il-preżentatur jista’ jidher, anki waqt l-istess programm, f’reklami li jkunu qed jippromovu xi ġeneru ieħor ta’ prodott jew servizz; |
(iii) | Is-sett li jintuża fir-rokna informattiva m’għandux ikun is-sett li jintuża fir-reklam li jixxandar wara li tispiċċa r-rokna informattiva; |
(iv) | Il-prodott jew servizz li jiġi reklamat immedjatament wara li tispiċċa r-rokna informattiva u fl-ewwel batch ta’ reklami m’għandux ikun l-istess prodott jew servizz imsemmi fir-rokna informattiva; |
(v) | Fir-reklam ma tistax issir referenza għall-prodotti jew servizzi li jkunu ntwerew fir-rokna informattiva; |
(vi) | Fir-rokna informattiva ma tistax issir referenza għall-prodotti jew servizzi li jkunu se jissemmew fir-reklami li jsegwu dik ir-rokna; |
(vii) | Ikun hemm ġrajjiet li, għalkemm ikunu jinvolvu entitajiet ta’ natura kummerċjali, ikollhom ukoll valur t’aħbar. L-Awtorita' ma jkollha l-ebda diffikulta’ li dawn il-ġrajjiet jiġu nklużi f’bullettini ta’ l-aħbarijiet u dana sakemm il-preżentazzjoni ta’ l-aħbar tkun saret b’mod informattiv u mhux bi skop reklamatorju. F’dan ir-rigward issir referenza għal paragrafu 11 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li japplikaw għal Bullettini ta’ l-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti, Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14. Iżda, l-inklużjoni ta’ ġrajjiet bħal dawn fi programmi ta’ diskussjoni jew ta’ ġrajjiet kurrenti x’aktarx li jkollha skop aktar reklamatorju milli informattiv u għalhekk f’dan il-kaz l-Awtorita' tqis li dan ikun qed jikser il-provvedimenti ta’ l-imsemmija artikli 4 u 9 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir. |