 |
|
 |
|
|
 |
 |
 |
Deċiżjonijiet ta' l-Awtorita` tax-Xandir | 2011 | | | TVM - Bonġu - 10 ta' Jannar 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża ibbażata fuq ilment, fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Bonġu tal-10 ta’ Jannar, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 5.3 u 6.1 tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti tal-Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir, meta l-istazzjon naqas li jikkonsenja l-premju dovut u meta t-telespetattriċi kienet mitluba tagħmel spejjeż addizzjonali sabiex din tkun tista’ issarraf l-istess premju. L-Awtorità semgħet kemm lis-Sur Mario Micallef, f’isem l-istazzjon, lil Ms Jordan Degiorgio f’isem il-produtturi u lis-Sinjura Carmen Grech. L-Awtorità iddiskutiet dan l-ilment f’seduta li nżammet fis-16 ta’ Diċembru, 2011 u filwaqt li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tas-Sinjura Grech u kif ukoll ta’ każi simili li tressqu quddiemha iddeċidiet li din l-akkuża ġiet ippruvata u imponiet il-penali rispettiva ta’ €1,160 u inoltre iddiriġiet li l-istazzjon kellu jasal għal arranġament aċċettabbli mas-Sinjura Grech f’perjodu li ma kellux jeċċedi s-sitt xhur u ċioe’ li s-Sinjura Grech tkun ħadet u fdiet il-premju dovut lilha skont kif rebħet waqt ix-xandira ta’ Bonġu tal-10 ta’ Jannar, 2011. Fin-nuqqas tal-osservanza ta’ din id-deċiżjoni l-Awtorità tkun lesta tieħu passi ulterjuri skont il-każ. |
| | TVM - News - 12 u 13 ta' Novembru 2011 | Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Laburista dwar l-Aħbarijiet ta’ TVM tat-12 u t-13 ta’ Novembru, 2011 Il-Partit Laburista ressaq ilment quddiem l-Awtorità tax-Xandir, permezz ta’ ittra datata 24 ta’ Novembru, 2011, dwar allegat żbilanċ u ksur tar-regolamenti dwar l-aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti kif ukoll unfair treatment fil-konfront tal-Partit Laburista fl-aħbarijiet li xxandru s-Sibt 12 ta’ Novembru u l-Ħadd 13 ta’ Novembru 2011. Il-Partit Laburista allega li f’dawn il-bulettini inkisru diversi regolamenti skont il-liġi tax-xandir kif ukoll il-liġi sussidjarja li tirregola l-akkuratezza u l-imparzjalità fil-bulettini tal-aħbarijiet meta, konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista dwar dak li l-Oppożizzjoni kienet tistenna mill-Budget 2012, li saret is-Sibt 12 ta’ Novembru ingħatat importanza sekondarja fl-aħbarijiet u ma ttieħidtx kumment ta’ wieħed mit-tliet kelliema tal-Partit Laburista li indirizzaw din il-konferenza stampa u fl-istess rappurtaġġ il-PBS ħalla barra numru ta’ issues importanti. Il-Partit Laburista ilmenta wkoll għal prominenza li ngħata il-Ministru Tonio Fenech meta ġie intervistat fl-istudjo waqt l-aħbarijiet. Il-Partit sostna li l-Ministru ngħata l-opportunità kollha li jesprimi punti politiċi li jiġbdu l-linja tal-Gvern bi preparazzjoni għall-qari tad-diskors tal-Budget. L-ilment irrefera wkoll għar-rapporti live minn Spanja u l-Greċja waqt l-istess bulletin. L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat dan l-ilment taħt Artiklu 34 tal-Att Dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni. Waqt is-smigħ tal-ilment il-Partit Laburista kien rappreżentat mis-Sur Kurt Farrugia, Direttur tal-Komunikazzjoni, assistit mill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt li għal TVM kienu preżenti Dr Natalino Fenech, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Public Broadcasting Services Ltd., li kien assistit mill-Avukat Therese Comodini Cachia. L-Awtorita` wara li semgħet is-sottomissjonjiet taż-żewġ partijiet, u eżaminat l-iskambju ta’ korrispondenza li għaddiet bejn il-partijiet dwar dan l-ilment iffukat fuq l-elementi li kienu joħorġu mill-ilment fi tliet servizzi li kienu, l-Konferenza Stampa mogħtija mill-Partit Laburista, il-parteċipazzjoni live tal-Ministru tal-Finanzi lejliet it-tħabbir tal-Budget, u r-rapportaġġ min Ateni u Madrid. Rigward l-ilment ta’ akkuratezza, l-Awtorita` ma sabet l-ebda forma ta’ inakkuratezza f’dawn it-tliet servizzi. Dwar il-każ tal-Konferenza Stampa mill-Partit Laburista, l-Awtorita` ikkonkludiet, anke meta kkunsidrat li kienet ġiet editjata sentenza waħda fit-tmiem tar-rapport dwar il-Konferenza Stampa mogħtija mill-Partit Laburista, li s-sustanza tar-rapport ma nbidlitx u dak li ġie rraportat kien fidil ma’ dak li ingħad waqt il-Konferenza Stampa. Din il-konkluzjoni tasal ukoll fid-dawl tax-xhieda li taw waqt is-smigħ tal-każ, il-ġurnalist li rraporta l-attivita` u n-news coordinator li kien xogħol dakinhar. Oltre minn hekk, l-Awtorita` qieset ukoll ir-risposta mibgħuta mill-PBS lill-Partit Laburista b’rejazzjoni għall-ilment. L-istazzjon talab lill-Partit Laburista biex jindika liema punti fil-fehma tal-Partit kienu tħallew barra mir-rappurtaġġ u l-ittra tal-PBS tindika wkoll li jekk kien hemm lok ta’ korrezzjoni u rimedju f’dan ir-rigward, l-istazzjon kien lest jagħmel dan. Fil-fatt il-Partit Laburista naqas milli jindika lill-istazzjon liema partijiet tal-Konferenza Stampa, fl-opinjoni tiegħu, tħallew barra. Rigward l-ilment dwar unfair treatment, fil-każ tal-parteċipazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi fil-bulletin tal-Aħbarijiet, l-Awtorità ikkonkludiet li l-Ministru tal-Finanzi jkun iċ-ċentru tal-attenzjoni speċjalment lejliet il-Budget u għalhekk il-fatt li l-Ministru ġie intervistat waqt l-aħbarijiet ma jirriżultax f’każ ta’ żbilanc fil-konfront tal-Partit Laburista. Dwar il-mistoqsija li saret min newscaster dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ma nħassx li din kienet barra minn lokha stante li kien hemm ċerta stennija dwar x’kien se jigri f’dan ir-rigward fit-tħabbir tal-budget, li kien se jsir anqas minn erba’ u għoxrin siegħa wara li xxandar dak il-bulletin. Rigward is-servizzi minn Ateni u Madrid, li permezz tagħhom TVM wassal dak li kien qed jiġri f’dawn iż-żewġ bliet u kif iċ-ċittadini kienu qed jgħixu din is-sitwazzjoni partikolari, l-Awtorita` tħoss li għalkemm huwa veru li dawn il-pajjiżi kienet qed issir referenza għalihom mill-Gvern flimkien ma’ pajjiżi oħra fir-rigward ta’ miżuri ta’ awsterita` li kienu qed jittieħdu f’dawn il-pajjiżi, ma tħossx li r-rapportaġġ kif inkluż f’dawn il-bulletini tal-Aħbarijiet jikkostitwixxi trattament inġust fir-rigward tal-Partit Laburista jew imparzjalita` għall-fini tal-liġi tax-xandir. Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorita` sabet li l-ilment fl-intier tiegħu ma kienx ġie ppruvat u għalhekk iddeċidiet li dan m’għandux jintlaqa’. |
| | NET TV - NET News u Newsroom - 17 ta' Ottubru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar Net News tas-16 t’Ottubru u Newsroom tas-17 t’Ottubru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 8.6 tal-Avviż Legali 350.14 tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bullettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u kif ukoll Paragrafi 3.2 u 3.2.1 tal-Avviż Legali 350.16 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar kif għandhom ikunu rappurtati Traġedji fix-Xandir. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, kif ukoll lis-Sinjuri Nathaniel Attard, Simon Vella Gregory u Robert Cremona li dehru f’isem l-istazzjon, li minn naħa tagħhom ikkontendew li l-istazzjon kien tratta din l-istorja bl-istess mod li kien għamel f’okkażżjonijiet simili fil-passat u fl-ebda mument ma kien konxju b’xi nuqqas li setgħa kien qed jikkommetti l-istazzjon. L-istazzjon irrilieva li qabel sar ir-rapport in eżami l-istazzjon kien talab u ottjena il-kunsens tal-familjari tal-vittma, in oltre l-istess familjari esprimew ruħhom pożittivament dwar il-mod kif kien ġie irrapportat il-funeral. L-istazzjon saħaq Ii kien inevitabbli li f’ċirkostanzi partikolari u diffiċli bħal fil-każ in eżami, l-aspett emozzjonali jkun qawwi. L-Awtorità, iddiskutiet fit-tul din l-akkuża u għalkemm apprezzat il-fatt li f’ċirkostanzi simili (traġiċi) il-linja ta’ demarkazzjoni bejn ir-rapport ġurnalistiku bbażat fuq il-valur tal-aħbar u r-rispett lejn il-privatezza kienet waħda sottili u suġġettiva, xorta waħda kien hemm elementi li b’mod evidenti kienu jikkostitwixxu eċċess. L-Awtorità irriteniet li close-ups fuq persuni fi stat emozzjonalment diffiċli kellhom ikunu evitati u dan b’rispett lejn id-dinjità tal-istess individwi. Żiedet li kien pożittiv il-fatt li l-istazzjon jitlob il-kunsens tal-partijiet interessati; madanakollu dan l-istess kunsens ma kienx jeżonera l-istess stazzjon mill-obbligu li jkun kawt u sensittiv u jfittex li ma jkunx sensazzjonali f’mumenti tant partikolari. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità dehrilha li ma kelliex issib ħtija kontra l-istazzjon. Madankollu riedet tieħu din l-opportunità biex tinforma lill-istazzjon li fil-waqt li din bl-ebda mod ma riedet tiftiehem li qed iżżomm lil xi stazzjon milli jirraporta traġedji u/jew funerali, riedet tfakkar fil-ħtieġa ta’ osservanza ta’ sensittività ta’ dawn il-każi u tal-obbligi li joħorġu mill-Ligi tax-Xandir dwar rapportaġġ ta’ avvenimenti simili, partikolarment dawk li joħorġu minn klawsoli 2.2, 2.3, kif ukoll 3.1, 3.2, 3.2.1, 3.2.4 tal-Avviż Legali 360.16. L-Awtorità saħqet li kienet ser tibqa’ tkun viġilanti dwar l-osservanza ta’ dawn l-obbligi min-naħa tal-istazzjonijiet. |
| | TVM - TVAM - 17 ta' Ottubru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm TVAM li xxandar fis-17 t’Ottubru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 8.6 tal-Avviż Legali 350.14 tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bullettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u kif ukoll Paragrafi 3.2, 3.2.1 u 3.2.2 tal-Avviż Legali 350.16 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar kif għandhom ikunu rappurtati Traġedji fix-Xandir. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lil Dr Natalino Fenech u lil Ms Daphne Cassar li dehru għall-istazzjon u l-produtturi rispettivament, assistiti minn Dr Therese Comodini Cachia, li kkontendew li matul is-servizz kien hemm il-kooperazzjoni sħiħa ta’ dawk il-persuni li ġew intervistati u fl-ebda mument ma saret pressjoni biex tittieħed l-intervista. Żiedu li dan ma kienx rapport iżolat għall-aħbarijiet iżda tribut għal żgħażugħ li kien attiv ħafna f’Ħal Qormi fuq kollox b’mod volontarju, u ma kienx jinħass li s-servizz kien eċċessiv jew li nqabeż xi livell ta’ bilanċ bejn dak li kellu u ma kellux jixxandar. L-Awtorità ddiskutiet fit-tul din l-akkuża u għalkemm apprezzat il-fatt li f’ċirkostanzi simili (traġiċi) il-linja ta’ demarkazzjoni bejn ir-rapport ġurnalistiku bbażat fuq il-valur tal-aħbar u r-rispett lejn il-privatezza kienet waħda sottili u suġġettiva, xorta waħda kien hemm elementi li b’mod evidenti kienu jikkostitwixxu eċċess u, irriteniet li close-ups fuq persuni fi stat emozzjonalment diffiċli kellhom ikunu evitati u dan b’rispett lejn id-dinjità tal-istess individwi. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità dehrilha li ma kellhiex issib ħtija kontra l-istazzjon. Madankollu riedet tieħu din l-opportunità biex tinforma lill-istazzjon li filwaqt li din bl-ebda mod ma riedet tiftiehem li qed iżżomm lil xi stazzjon milli jirraporta traġedji u/jew funerali, riedet tfakkar fil-ħtieġa ta’ osservanza ta’ sensittività ta’ dawn il-każi u tal-obbligi li joħorġu mill-Ligi tax-Xandir dwar rapportaġġ ta’ avvenimenti simili, partikolarment dawk li joħorġu minn klawsoli 2.2, 2.3, kif ukoll 3.1, 3.2, 3.2.1, 3.2.4 tal-Avviż Legali 360.16. L-Awtorità saħqet li kienet ser tibqa’ tkun viġilanti dwar l-osservanza ta’ dawn l-obbligi min-naħa tal-istazzjonijiet. |
| | TVM - News - 3 ta' Ottubru 2011 | Ilment mill-Partit Laburista rigward l-item dwar il-Ftuħ tal-Parlament fl-Aħbarijiet ta’ PBS tat-3 t’Ottubru, 2011: F’seduta li nżammet it-Tlieta 8 ta’ Novembru 2011 l-Awtorita’ semgħet ilment imressaq mill-Partit Laburista dwar aħbar rigwardanti il-ftuħ tal-Parlament imxandra waqt l-aħbarijiet ta’ TVM tat-3 ta’ Ottubru, 2011. L-ilment tal-Partit Laburista kien jirrigwardja esklussivament ir-rapport dwar il-ftuħ tal-Parlament wara l-vaganzi tas-Sajf u proprju dwar il-fatt li fl-imsemmi rapport filwaqt li ttieħed kumment tal-Prim Ministru u l-iSpeaker, ma sarx l-istess fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni. L-Awtorita’ kkunsidrat dan l-ilment ai termini ta’ artikolu 34 tal-Att dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-istess Awtorita’ tisma’ ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju u kif ukoll fuq it-televizjoni. L-Awtorita’ semgħet lill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Sur Kurt Farrugia għall-Partit Laburista u l-Avukat Therese Comodini Cachia u l-Dr Natalino Fenech li dehru f’isem il-PBS. Il-Partit Laburista issottometta li l-Oppożizzjoni hija parti integrali mill-Parlament u l-aġir tal-istazzjon li jħalli barra l-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien jikkostitwixxi żbilanċ lampanti fil-konfront tal-Partit Laburista. Minn naħa l-oħra l-istazzjon ikkontenda illi dan kien rappurtaġġ b’link diretta u li waqt li kien qed jagħti l-kumment tiegħu l-iSpeaker ġibed l-attenzjoni tal-ġurnalista għall-fatt li kien ser ikun hemm dikjarazzjoni Ministerjali mill-Prim Ministru. Żied li fil-bulettin tal-Aħbarijiet tat-8.00p.m. s-sessjoni tal-Parlament kienet għadha għaddejja u sa dak il-ħin kien ġie rappurtat b’mod estensiv dak li kien qal il-Prim Ministru u r-rejazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-istess stqarrija. L-istazzjon saħaq li dan ir-rapport kien wieħed komprensiv u immedjat u fil-konfront tal-pubbliku tali rapport kien jibqa’ bilanċjat sakemm jixxandru l-veduti ta’ kulħadd. L-istazzjon ikkontenda wkoll li fl-aħbarijiet imxandra nhar it-Tnejn 10 t’Ottubru 2011, TVM kien xandar kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-fond ta’ stabbilta’ finanzjarja u l-ftehim ta’ self lill-Greċja. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u tal-membri, l-Awtorita’ kkonstatat li dwar l-ilment imressaq, il-fatt li kien hemm voice clips mal-iSpeaker u mal-Prim Ministru iżda mhux mal-Kap tal-Oppożizzjoni ma jinħassx li l-istazzjon kien inġust mal-Partit Laburista, u dan għaliex l-istazzjon irrapporta b’mod estensiv l-intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni dakinhar tal-ftuħ tal-Parlament u għalhekk l-ilment tal-Partit Laburista ma kienx ġustifikat. | | | TVM - News - 28 ta' Settembru 2011 | l-Ilment mill-Partit Laburista rigward item dwar konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Onorevoli Gino Cauchi fl-Aħbarijiet ta’ PBS tat-28 ta’ Settembru, 2011: F’seduta li nżammet it-Tlieta 8 ta’ Novembru 2011 l-Awtorita’ semgħet ilment imressaq mill-Partit Laburista dwar aħbar rigwardanti konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Onorevoli Gino Cauchi imxandra waqt l-aħbarijiet ta’ TVM tat-28 ta’ Settembru, 2011. L-ilment tal-Partit Laburista kien primarjament jikkonċentra fuq il-fatt li l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd għażlet li tagħti aktar prominenza lill-kummenti tagħha hekk kif rifless fi stqarrija bi tweġiba, milli għall-kontenut tal-konferenza tal-aħbarijiet tal-Onorevoli Cauchi L-Awtorita’ kkunsidrat dan l-ilment ai termini ta’ artikolu 34 tal-Att dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-istess Awtorita’ titratta ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju u kif ukoll fuq it-televizjoni. L-Awtorita’ semgħet lill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Sur Kurt Farrugia għall-Partit Laburista u l-Avukat Therese Comodini Cachia u l-Dr Natalino Fenech li dehru f’isem il-PBS. Il-Partit Laburista tenna li l-aġir tal-Kamra tal-Aħbarijiet u l-kummenti editorjali magħmula minnha li ngħataw prominenza fuq il-kontenut tal-istess Konferenza tal-Aħbarijiet kien jirriżulta f’rappurtaġġ inġust. L-istazzjon ikkontenda illi l-istqarrija tiegħu kienet tirreferi għall-istatistika ippreżentata mill-Onorevoli Gino Cauchi waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li kienet titratta dwar news items. L-istazzjon żied li kien irrapporta fedelment u b’mod estensiv il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Onorevoli Gino Cauchi u ai termini tar-regolamenti tal-istess Awtorità u ċioe regolamenti 2.1.3, 4.1 u 8.15 tal-Avviż Legali 350.14 dwar Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar l-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti, l-istazzjon seta’ jagħti l-veduti tiegħu, sakemm dawn ikunu nettament distinti u jingħarfu sew mill-kontenut tal-aħbar. L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dispożizzjonijiet relattivi partikolarment dawk rigwardanti ‘trattament inġust’ u l-kriterju dwar x’kien jikkostitwixxi tali trattament. L-Awtorita’ iddeċidiet li l-mod kif ġiet ippreżentata l-aħbar u ċioe billi l-ewwel ixxandret l-istqarrija tal-istazzjon segwita minn rapport dwar il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Onorevoli Gino Cauchi ma’ kienx korrett, ġust u desiderabbli u għalhekk iddeċidiet li ab bażi ta’ Artikolu 34 tal-Att dwar ix-Xandir l-aġir tal-istazzjon kien jikkostitwixxi trattment inġust minħabba l-mod kif ġiet ippreżentata l-aħbar, u f’dan ir-rigward l-ilment imressaq mill-Partit Laburista kien ġustifikat. | | | ONE - One News - 16 t’Ottubru, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar ONE News li xxandar fis-16 t’Ottubru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 8.6 tal-Avviż Legali 350.14 tal-Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bullettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u kif ukoll Paragrafi 3.2 u 3.2.1 tal-Avviż Legali 350.16 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar kif għandhom ikunu rappurtati Traġedji fix-Xandir. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Matthew Carbone li deher f’isem l-istazzjon, li minn naħa tiegħu ikkontenda li fil-fehma tiegħu is-servizz inkluż il-close-ups ma’ kienux eċċessivi u jiksru l-privatezza ta’ dawk preżenti. Żied li kien iħoss li f’din l-okkazzjoni partikolari l-istazzjon kien konservattiv minkejja li dan il-funeral kien meqjus mill-istazzjon fuq l-istess livell ta’ wieħed nazzjonali. Is-Sur Carbone qal li sa dakinhar ħadd mill-familjari ma kien oġġezzjona. Dan kien jindika li dak li fil-fatt ixxandar kien aċċettabbli. L-Awtorità ddiskutiet fit-tul din l-akkuża u għalkemm apprezzat il-fatt li f’ċirkostanzi simili (traġiċi) il-linja ta’ demarkazzjoni bejn ir-rapport ġurnalistiku bbażat fuq il-valur tal-aħbar u r-rispett lejn il-privatezza kienet waħda sottili u suġġettiva, xorta waħda kien hemm elementi li b’mod evidenti kienu jikkostitwixxu eċċess u, rriteniet li close-ups fuq persuni fi stat emozzjonalment diffiċli kellhom ikunu evitati u dan b’rispett lejn id-dinjità tal-istess individwi. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità dehrilha li ma kellhiex issib ħtija kontra l-istazzjon, madankollu riedet tieħu din l-opportunità biex tinforma lill-istazzjon li filwaqt li din bl-ebda mod ma riedet tiftiehem li qed iżżomm lil xi stazzjon milli jirraporta traġedji u/jew funerali, riedet tfakkar fil-ħtieġa ta’ osservanza ta’ sensittività ta’ dawn il-każi u tal-obbligi li joħorġu mill-Ligi tax-Xandir dwar rapportaġġ ta’ avvenimenti simili, partikolarment dawk li joħorġu minn klawsoli 2.2, 2.3, kif ukoll 3.1, 3.2, 3.2.1, 3.2.4 tal-Avviż Legali 360.16. L-Awtorità saħqet li kienet ser tibqa’ tkun viġilanti dwar l-osservanza ta’ dawn l-obbligi min-naħa tal-istazzjonijiet. | | | TVM - Trasmissjonijiet li xxandru - 23, 24, 25 ta' Settembru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar it-trasmissjonijiet li xxandru fit-23, l-24 u l-25 ta’ Settembru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 6.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku, meta l-istazzjon xandar reklam għall-istabbiliment Barcelona Lounge fejn saret referenza għal skonti u offerti fuq xorb alkoħoliku. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem l-istazzjon, li minn naħa tiegħu ammetta li r-reklam ġie imxandar, madankollu saħaq li dan kien żball u wara li kienet inġibdet l-attenzjoni tal-istazzjoni dan twaqqaf mill-ewwel. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. |
| | Bay Radio - Bay Breakfast with Drew - 15 ta' Settembru, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Bay Radio dwar il-programm Bay Breakfast with Drew tal-15 ta’ Settembru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 6.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku, meta sar reklam għal Medasia on the Strand, Sliema, Happy Hour. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Victor Formosa li deher f’isem l-istazzjon. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. |
| | TVM - Programme Promotion tad-drama Deċeduti - 14 ta' Settembru 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-Programme Promotion tad-drama Deċeduti tal-14 ta’ Settembru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafi 1.2 u 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar Wiri u Smigħ ta’ Programmi għall-Familja, meta waqt l-imsemmi programme promotion li ixxandar fit-8.32 a.m. u qabel id-9.00p.m. il-protagonista tas-sensiela instemgħet tuża l-kelma ‘poxt’. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Carlos Debattista f’isem il-produtturi tas-sensiela u s-Sur Mario Micallef li deher f’isem l-istazzjon, li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta n-nuqqas ta’ sensitivita’ minn naħa tal-istazzjon, ikkontenda li skont hu l-kelma ma kienitx waħda vulgari. L-Awtorità, ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni in parti tal-istazzjon u ċ-ċirkostanzi tal-każ u ċjoe’ li din il-kelma ixxandret qabel id-9.00p.m., tlissnet minn personaġġ popolari ħafna tas-serje, (liema personaġġ kellu influwenza konsiderevoli fuq it-telespettaturi inkluż dawk ta’ eta’ żgħira), u kif ukoll li l-istazzjon setgħa għażel xena oħra għall-promozzjoni tas-sensiela. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorita’ iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. |
| | Xfm 100.2 - Le Meridien Big Breakfast - 14 ta’ Settembru, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ XFM 100.2 dwar il-programm Le Meridien Big Breakfast tal-14 ta’ Settembru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 6.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku, meta sar reklam għal Le Meridien Happy Hours. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur David Azzopardi li deher f’isem l-istazzjon. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. |
| | Energy FM - Qawwa ta’ Trasmissjoni - 5 ta’ Settembru, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Energy FM dwar il-qawwa ta’ trasmissjoni fil-ġurnata tal-5 ta’ Settembru, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 3(d) tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir, meta rapport tal-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni, kien jindika li t-trasmissjoni tal-istazzjon kienet teċċedi l-qawwa tas-sinjal kif riflessa fil-liċenzja rispettiva. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lill-Avukat Joseph Arrigo li kien qiegħed jidher għan-nom u in rappreżentanza tas-Soċjeta’ Gallerija Trading Limited fil-preżenza tas-Sur Malcolm Sant, Direttur tal-istess Soċjeta’ u s-Sur David Spiteri u fiċ-ċirkostanzi tal-każ iddeċidiet li ma tkomplix tipproċedi kontra l-istazzjon. |
| | ONE - Ftit minn Kollox - 2 ta’ settembru, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Ftit Minn Kollox li xxandar fit-2 ta’ Settembru, 2011, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta kien hemm assoċjazzjoni bejn il-kontenut tal-imsemmi programm u r-reklami li xxandru. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sinjura Ruth Vella li dehret f’isem l-istazzjon. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix l-istess nuqqas. |
| | Radju Leħen il-Belt Ġorġjana - Effective Radiated Power | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Leħen il-Belt Ġorġjana dwar l-Effective Radiated Power fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 10(10) tal-Att Dwar ix-Xandir, meta minn rapporti tal-Awtorità dwar il-Komunikazjoni, kien jidher ċar li t-trasmissjonijiet tal-istazzjon kienu eċċedew il-qawwa tas-sinjal kif indikati fil-liċenzja rispettivi. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mark Cremona f’isem l-istazzjon, li filwaqt li ammetta l-akkuża kontra l-istazzjon, ikkontenda illi min-naħa tiegħu l-istazzjon kien konxju li kienet teżisti problema teknika fl-antenna u l-cables u kien diġa ħa miżuri bl-għajnuna ta’ tekniċi mill-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni (MCA) sabiex din il-problema tiġi riżolta. Żied li bl-assistenza tal-istess tekniċi it-transmitter kien ġie issettjat mill-ġdid u dan sabiex il-parametri ta’ qawwa tas-sinjal imfissra fil-liċenzja jiġu rispettati pjenament. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon, iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata, madankollu, peress li l-istazzjon ħa dawk il-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizza ruħu mal-kundizzjonijiet tal-liċenzja u peress Ii din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon. L-Awtorità iddiriġiet li l-istazzjon kellu jirrimborsa is-somma ta mija u ħmistax-il Ewro (€115) lill-Awtorità rappreżentanti l-ispejjeż marbutin mat-testijiet li kienu twettqu mill-MCA. |
| | TVM - News - 18-19 Awwissu, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista fil-konfront tal-Public Broadcasting Services Limited dwar aħbar u dritt ta’ risposta konċernanti ‘ir-remissjoni’ imxandra waqt il-bulettini tal-aħbarijiet fuq TVM tad-19 u l-20 t’Awwissu rispettivament, fejn kien allegat li l-mod kif kienet ġiet imxandra ir-risposta kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi sussidjarja li tirregola ix-xandir ta’ Dritt għal Risposta bil-konsegwenza li l-Partit Laburista sofra żbilanċ. L-Awtorità semgħet kemm lill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi u lis-Sur Kurt Farrugia għan-nom tal-Partit Laburista, u kif ukoll lil Dr Natalino Fenech u l-Avukat Therese Commodini Cachia li dehru f’isem l-istazzjon f’seduta li nżammet fit-30 t’Awwissu, 2011. Fl-introduzzjoni u s-sottomisjonijiet tiegħu l-Avukat Zrinzo Azzopardi qal li l-Partit Laburista kien ħass li kellu jitlob dritt għal risposta dwar aħbar imxandra fid-19 t’Awwissu u li kienet titratta ir-remissjoni u dan peress li mir-rapport kif ippreżentat mill-istazzjon ingħatat l-impressjoni li dwar din it-tema kien jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn esponenti ewlenin fi ħdan il-Partit fosthom l-Avukat Anglu Farrugia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat. Żied li fir-rapport tiegħu il-PBS ħass li kellu jislet barra mill-kuntest tiegħu, parti minn diskors li l-Avukat Farrugia kien għamel fil-Parlament fi Frar tas-sena kurrenti, liema silta kienet tindika li l-Partit Laburista kien favur li r-remissjoni tkun awtomatika, u wara jxandar dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-istess suġġett. L-Avukat Zrinzo Azzopardi qal li l-mod kif kien ippreżentat ir-rapport kien jindika diżgwid fi ħdan il-Partit meta dan ma kienx jeżisti, u dan apparti li fir-rapport kien hemm taħlita ta’ kummenti ma’ dak li ġie rappurtat li kien qal l-Onorevoli Farrugia u li dak li ġie rrappurtat ittieħed barra mill-kuntest tiegħu. Żied li kien għal dan il-għan li l-Partit ħass li kellu jitlob dritt għal risposta u dan sabiex ikun jista’ jispjega l-kuntest li minnu ġiet misluta is-silta mid-diskors tal-Onorevoli Farrugia u l-fatt li ma kien hemm l-ebda diżgwid. L-Avukat Zrinzo Azzopardi qal li d-dritt għal risposta xxandar waqt il-bulettin tal-20 t’Awwissu, madanakollu fl-istess rapport l-istazzjon iddeċieda li jerġa’ jxandar mill-ġdid is-silta’ mid-diskors tal-Onorevoli Anglu Farrugia inkluż il-viżwal li kienu xxandru l-jum ta’ qabel u li kienu kontestati mill-Partit Laburista, b’dan il-mod l-effett tad-dritt għal risposta intilef. L-Avukat Zrinzo Azzopardi irrefera għad-deċiżjoni tal-Awtorità b’konnessjoni ma’ ilment li kien ressaq quddiemha l-Membru Parlamentari Ewropew il-Professur Edward Scicluna fejn bħala parti mill-motivazzjoni tagħha l-Awtorità indikat b’mod ċar kif kellu jingħata dritt għal risposta, f’dan il-każ, skont l-Avukat Zrinzo Azzopardi l-effett tad-dritt għal risposta intilef bil-konsegwenza li l-Partit Laburista sofra żbilanċ. L-Avukat Therese Commodini Cachia issottomettiet illi dan l-ilment kellu jkun analizzat fid-dawl tal-kontroversja u battibekk li kien qam bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fl-10 t’Awwissu tas-sena kurrenti, fejn kienu saru kummenti dwar ir-remissjoni mill-Ministru Dr Carmelo Mifsud Bonnici, u d-Deputati Laburisti l-Onorevoli Dr Michael Falzon u Dr Anglu Farrugia. Żiedet li minn dan il-PBS għażel li jagħmel storja riċerkata u filwaqt li silet kwotazzjoni kelma b’kelma minn diskors li kien għamel l-Onorevoli Anġlu Farrugia fil-Parlament, ipprova jinvestiga ukoll l-allegazzjoni tal-Gvern li fi ħdan il-partit kien hemm diżgwid dwar din il-materja. L-Avukat Commodini Cachia tenniet li biex jasal għal dan, il-ġurnalist għamel numru ta’ domandi ċari lill-Partit hekk kif kien evidenzjat mill-emails sottomessi lill-Awtorità, madanakollu xi domandi baqgħu ma ġewx imwieġba. Żiedet li inoltre l-istazzjon għamel aktar minhekk għax fil-fatt kien stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni jieħu sehem fi programm imtella’ mill-kamra tal-aħbarijiet li kellu jitratta r-remissjoni, liema stedina ma ġietx milqugħa. L-Avukat Commodini Cachia qalet li fil-bulettin tal-20 t’Awwissu, inċidentalment propju waqt li kien qiegħed jinqara d-dritt għal risposta, bi żball reġa’ xxandar il-viżwal li kien juri is-silta mid-diskors ta’ l-Onorevoli Anglu Farrugia, liema inċident, l-Avukat Commodini Cachia tenniet, ma kienx jirrendi r-rapport skorrett. Żiedet li f’dan il-każ id-dritt għal risposta kien diġa ingħata, kien adegwat u ma saret l-ebda interpretazzjoni żbaljata. Żiedet li din kienet storja riċerkata u ma jfissirx li ġurnalist b’xi mod ma setax jikkummenta u jgħid x’jaħseb. L-Avukat Commodini Cachia temmet tgħid li l-ġurnalist imkien ma kien żlejali fir-riċerka u kellu d-dokumenti kollha f’idejh. L-Awtorità iddiskutiet fit-tul is-sottomissjonijiet tal-partijiet, u wara li rat id-dokumentazzjoni sottomessa, id-dispożizzjonijiet fl-Avviż Legali 350.14 u l-filmat tar-rapport in kwistjoni, iddeċidiet illi TVM xandar id-dritt ta’ risposta fl-intier tiegħu. Madanakollu, l-istazzjon naqas meta xandar viżwal tal-Onorevoli Anglu Farrugia, inkluż it-test ta’ silta mid-diskors tiegħu, waqt il-qari tal-istess dritt ta’ risposta, u dan fil-fehma tal-Awtorita’ jikkostitwixxi kumment li jmur kontra l-provvedimenti f’paragrafu 8.15.1(ii) tal-imsemmi Avviż Legali. Inoltre l-Awtorita’ tirravisa li kull kumment wara d-dritt ta’ risposta għandu jkun konċiż u għandu jiġi żgurat li ma’ jintilifx l-effett tad-dritt tar-risposta. SUNT TAD-DEĊIŻJONI DWAR L-ILMENT MILL-PARTIT LABURISTA DWAR L-AĦBARIJIET TA’ TVM LI XXANDRU FID-19 T’AWWISSU, 2011 L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista fil-konfront tal-Public Broadcasting Services Limited dwar aħbar u dritt ta’ risposta konċernanti ‘ir-remissjoni’ imxandra waqt il-bulettini tal-aħbarijiet fuq TVM tad-19 u l-20 t’Awwissu rispettivament, fejn kien allegat li l-mod kif kienet ġiet imxandra ir-risposta kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi sussidjarja li tirregola ix-xandir ta’ Dritt għal Risposta bil-konsegwenza li l-Partit Laburista sofra żbilanċ. Il-Partit Laburista ikkontenda li d-dritt għal risposta li xxandret fl-20 t’Awwissu kienet immanipulata fil-mod kif ġiet ippreżentata u kien allegat li kien hemm diżgwid fi ħdan il-Partit meta dan ma kienx jeżisti, u dan apparti li fir-rapport kien hemm taħlita ta’ kummenti ma’ dak li ġie rappurtat li kien qal l-Onorevoli Farrugia u li dak li ġie rrappurtat ittieħed barra mill-kuntest tiegħu. Minn naħa l-oħra, l-Public Broadcasting Services Limited ikkontenda li l-istazzjon kien għażel li jagħmel storja riċerkata u filwaqt li silet kwotazzjoni kelma b’kelma minn diskors li kien għamel l-Onorevoli Anġlu Farrugia fil-Parlament, ipprova jinvestiga ukoll l-allegazzjoni tal-Gvern li fi ħdan il-partit kien hemm diżgwid dwar din il-materja. L-istazzjon ammetta li fil-bulettin tal-20 t’Awwissu, propju waqt li kien qiegħed jinqara d-dritt għal risposta, bi żball reġa’ xxandar il-viżwal li kien juri is-silta mid-diskors ta’ l-Onorevoli Anglu Farrugia, liema inċident, skont l-istazzjon, ma kienx jirrendi r-rapport skorrett. L-istazzjon ikkontenda li f’dan il-każ id-dritt għal risposta kien diġa ingħata, kien adegwat u ma saret l-ebda interpretazzjoni żbaljata. L-Awtorità iddiskutiet fit-tul is-sottomissjonijiet tal-partijiet, u wara li rat id-dokumentazzjoni sottomessa, il-dispożizzjonijiet fl-Avviż Legali 350.14 u l-filmat tar-rapport in kwistjoni, iddeċidiet illi TVM xandar id-dritt ta’ risposta fl-intier tiegħu. Madanakollu, l-istazzjon naqas meta xandar viżwal tal-Onorevoli Anglu Farrugia, inkluż it-test ta’ silta mid-diskors tiegħu waqt il-qari tal-istess dritt ta’ risposta, u dan fil-fehma tal-Awtorita’ jikkostitwixxi kumment li jmur kontra l-provvedimenti f’paragrafu 8.15.1(ii) tal-imsemmi Avviż Legali. Inoltre l-Awtorita’ tirravisa li kull kumment wara d-dritt ta’ risposta għandu jkun konċiż u għandu jiġi żgurat li ma’ jintilifx l-effett tad-dritt tar-risposta. |
| | One - Ġunju/Lulju 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkużi fil-konfront ta’ ONE dwar trasmissjonijiet tat-2 ta’ Lulju 2011 bejn 1900 u 2000; tal-1 ta’ Lulju 2011 bejn 1900 u 2000; tat-30 ta’ Ġunju 2011 bejn 1900 u 2000; tas-27 ta’ Ġunju 2011 bejn 1900 u 2000; u tas-26 ta’ Ġunju 2011 bejn 2000 u 2100, fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, meta meta l-istazzjon eċċeda t-12-il minuta reklamar f’siegħa orarja. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella f’isem l-istazzjon. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet inkluż tal-ammissjoni tal-istazzjon qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu, in vista tal-fatt li l-ksur tal-liġi kien identiku fl-akkużi kollha u li dan avverra ruħu fi żmien ta’ anqas minn ġimgħa, iddeċidiet li l-penali relattiva għall-ħames akkużi tiġi assorbita f’waħda, u għalhekk kienet qed timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum. |
| | One - Siegħa Żmien ma’ Ġorg - 15-23 ta’ Ġunju, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Siegħa Żmien ma’ Ġorg li xxandru fil-15, 16, 20, 22 u 23 ta’ Ġunju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir, meta l-istazzjon eċċeda t-12-il minuta reklamar f’siegħa orarja. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lil Ms Ruth Vella f’isem l-istazzjon u lis-Sur Joseph Borg f’isem il-produzzjoni. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet li l-akkuża ġie ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix dan in-nuqqas. |
| | TVM - Bondiplus - 6 ta' Ġunju 2011: Ilment mill-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazjonisti (FKNK) | Is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) ilmenta dwar l-edizzjoni ta’ Bondiplus tas-6 ta’ Ġunju, 2011 li trattat il-moħqrija tal-annimali u liema edizzjoni inkludiet ukoll riferenzi għall-kaċċa permezz ta’ feature li skont is-Sur Farrugia kien jagħti ‘l wieħed x’jifhem li l-prattika tal-kaċċa leġittima kienet tikkostitwixxi moħqrija tal-għasafar. L-istazzjon wieġeb għal dan l-ilment permezz ta’ email datat 17 ta’ Ġunju, 2011, u saħaq li l-Bord Editorjali ma’ kienx iħoss li l-imsemmi feature kien malizzjuz u jagħmel referenza għall-kaċċaturi membri tal-Federazzjoni u għalhekk ma’ kienx hemm lok għal rimedju. Permezz ta’ email datata 18 ta’ Ġunju 2011, is-Sur Farrugia f’isem l-Federazzjoni filwaqt li rritiena li l-Federazzjoni ma’ kinitx qiegħda taqbel mal-konklużjonijiet tal-Bord Editorjali tal-P.B.S., ai termini tal-provvedimenti dwar l-investigazzjoni ta’ ilmenti, issottometta l-każ quddiem l-Awtorita’ għall-konsiderazzjoni. L-Awtorità semgħet dan l-ilment f’seduta li nżammet fil-5 ta’ Lulju fil-preżenza tas-Sinjuri Anthony Mifsud, Lino Farrugia, Joe Periċi Calascione għall-FKNK assistiti mill-Avukat Kathleen Grima u lil Dr Natalino Fenech għall-istazzjon assistit mill-Avukat Therese Commodini Cachia. Dr Kathleen Grima ikkontendiet li dan l-ilment kien qiegħed isir peress li fl-imsemmi programm popolari, saret referenza għall-kaċċa out of context u saret assoċjazzjoni indiretta, ritenuta skorretta u malizjuża bejn il-kaċċa u l-moħqrija tal-annimali. Żiedet li l-liġi dwar it-trattament xieraq tal-annimali kienet teskludi mill-effetti tagħha l-kaċċa u dan kien juri li dan id-delizzju ma kienx ikkonsidrat bħala moħqrija u għaldaqstant ma kellux jiġi trattat bħala tali. Dr Grima sostniet li in vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet filmat li kien juri tajr ferut, u intervent minn membru tal-Birdlife, li xxandru waqt l-istess programm, kienu barra minn lokhom, aktar u aktar meta ma kien mistieden l-ebda rappreżentant tal-FKNK. Żiedet li permezz tal-programm ingħatat l-impressjoni skorretta illi ‘kaċċa’ hija forma ta’ moħqrija. Dr Therese Commodini Cachia ikkontendiet illi l-messaġġ u l-assoċjazzjoni rilevata mill-FKNK ma kienitx tirriżulta u l-kaċċa u l-insib fl-ebda mument ma ġew trattati fil-programm. Żiedet li l-għan tal-programm kien li juri lit-telespetturi kif jiġu kkurati annimali feruti f’Malta b’referenza għall-iSptar tal-Annimali u x-xogħol tal-veterinarji, u kien proprju f’dan il-kuntest li kien hemm intervent minn rappreżentant tal-Birdlife peress li din l-organizzazzjoni toffri servizz ta’ kura u trattament. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet illi meta wieħed jara l-elementi tal-programm fl-assjem tagħhom jasal għall-konklużjoni illi t-telespettatur ordinarju kien jasal biex jagħmel assoċjazzjoni bejn il-kaċċa u l-moħqrija tal-annimali. In oltre, minħabba li l-programm kellu bħala tema tiegħu “il-moħqrija tal-annimali” u billi l-liġi Dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali stess kienet teskludi l-kaċċa mill-moħqrija tal-annimali, l-inklużjoni tal-feature dwar tjur li jkunu feruti waqt kaċċa f’dan il-programm, ma kienitx ġustifkata, anke jekk din ma kienetx l-intenzjoni tal-istazzjon u għaldaqstant, l-Awtorità iddeċidiet li l-ilment irriżulta u kien ġustifikat. Madanakollu fiċ-ċirkostanzi qablet li ma tassenjax rimedju. |
| | Radju Marija, TVM, Net TV, One, Campus FM - Referendum Campaign Programmes - 28 ta' Mejju 2011 | - Radju Marija - Il-Mulej hu r-Ragħaj Tiegħi - 27 ta’ Mejju
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Radju Marija dwar il-programm ‘Il-Mulej hu r-Ragħaj Tiegħi’ li xxandar fis-27 ta’ Mejju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon kiser Direttiva tagħha marbuta mar-Referedum dwar id-Divorzju u ma osservax l-obbligi tiegħu waqt il-jum tas-silenzju ai termini tal-istess Direttiva.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lil Patri Charles Fenech u l-Avukati Franco Galea u Michael Schiriha li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon. Fr Charles Fenech qal li l-istazzjon kien issottometta skeda ta’ programmi hekk kif mitlub u tenna li b’rispett sħiħ tad-Direttiva tal-Awtorità din l-iskeda ma kienitx ġiet alterata. Żied li l-programm kien ripetizzjoni u dan kien ġie notifikat lill-Awtorità ai termini tal-istess Direttiva. Fr Fenech qal li bħala prekawzjoni kienu ingħataw struzzjonijiet sabiex fil-programmi ma jiġux aċċettati telefonati u SMSs. L-Avukat Franco Galea ta’ ħarsa lejn il-provvedimenti tad-Direttiva u kkontenda li dawn ma kienux inkisru. Żied li dan kien programm ripetut u l-Awtorità kienet avżata minn qabel dwaru u din ma’ kienitx oġġezzjonat. L-Avukat Michael Schiriha ikkontenda li fl-imsemmi programm il-preżentatur kien qiegħed jipprofessa it-twemmin tiegħu pubblikament, ħaġa li kellu dritt jagħmel. Żied li l-programm ma kienx programm ta’ diskussjoni u ma trattax biss is-sagrament taż-żwieġ u fl-ebda mument ma ingħataw direttivi b’konnessjoni mar-referendum. L-Avukat Schiriha sostna li l-‘objective test’ rilevanti għall-akkuża ma kienx jirriżulta. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li kkonstatat li kien veru li l-iskeda kienet intbagħet lill-Awtorita, sostniet li l-istess skeda ma kienitx tindika l-kontenut u r-riferenzi diretti għas-suġġett tad-divorzju li ma kienux permessi jsiru waqt il-ġranet tas-silenzju kif tistabbilixxi d-Direttiva. L-Awtorità saħqet li bl-ebda mod ma kellha l-intenzjoni li żżomm li xi ħadd milli jipprofessa t-twemmin tiegħu pubblikament u dan jixhdu l-fatt li fl-ebda stadju l-anqas waqt il-kampanja referendarja ma żammet lill-istess stazzjon milli jesponi l-fehmiet tiegħu dwar it-twemmin, anke f’dak li għandu x’jaqsam mas-suġġett tad-divorzju. Fl-istess waqt l-Awtorità sabet li partijiet mill-programm in kwistjoni ma kienux espressjoni ta’ twemmin imma kummenti u riferenzi għas-suġġett tad-divorzju li skont id-Direttiva tal-Awtorita maħruġa bis-setgħa li tagħtiha l-liġi u ċjoè Artiklu 15 Kapitlu 350 tal-liġijiet ta’ Malta, ma setgħux isiru waqt il-ġranet tas-silenzju qabel ir-Referendum. L-Awtorità ma qablitx mas-sottomissjoni tal-istazzjon, li għax il-programm ma kienx wieħed ta’ diskussjoni u ma ngħatawx direttivi allura ma kienx hemm ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità. Id-Direttiva tirreferi għall-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ xandir li jista’ jinfluwenza lill-votanti. Meta qieset fid-dettal dan kollu l-Awtorità qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro (€4,660) liema impożizzjoni ta’ penali kienet sospiża għal tletin xahar u marbuta esklussivament ma’ Direttivi tal-Awtorità dwar Programmi u Reklami imxandra waqt l-Elezzjonijiet u Referenda.
- TVM - Kelma għall-Ħajja - 28 ta’ Mejju, 2011
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Kelma għall-Ħajja li xxandar fit-28 ta’ Mejju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon kiser Direttiva tagħha marbuta mar-Referedum dwar id-Divorzju u ma osservax l-obbligi tiegħu waqt il-jum tas-silenzju ai termini tal-istess Direttiva. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, Dr Natalino Fenech u lill-Avukat Therese Commodini Cachia li dehru għall-istazzjon u lil Fr Charles Tabone li deher għall-produzzjoni. Fr Tabone tenna li din il-produzzjoni kienet imsawra madwar il-Liturġija tal-Knisja li kienet pre-stabbilità u li b’kumbinazzjoni dakinhar kienet titratta l-imħabba, li skont hu kienet issib il-qofol tagħha fil-familja. Żied li tul il-programm ma saret l-ebda referenza għad-divorzju. L-Avukat Commodini Cachia fost l-oħrajn ikkontendiet illi fiċ-ċirkostanzi l-programm ma setax ma jitrattax ‘il-familja’, madanakollu fl-ebda mument ma saret xi referenza għall-argumenti saljenti u kontroversjali marbutin mar-referendum. Żiedet li dan il-programm kien inkluż fl-iskeda mibgħuta lill-istess Awtorità ai termini tal-istess Direttiva u ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni dwaru. L-Avukat Commodini Cachia saħqet li saħansitra f’mument partikolari bħal ma’ kien il-każ in kwistjoni, wieħed ma setax iċaħħad jew jostakola l-Kultura. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u meta għarblet ir-riferenzi li saru waqt il-programm in kwistjoni u l-kuntest li fih saru, qablet li l-akkuża kontra l-istazzjon ma kienitx tirriżulta u ma ġietx ippruvata.
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm ‘Referendum tad-Divorzju 2011’ li xxandar fit-28 ta’ Mejju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon kiser Direttiva tagħha marbuta mar-Referedum dwar id-Divorzju u ma osservax l-obbligi tiegħu waqt il-jum tas-silenzju ai termini tal-istess Direttiva.. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lil Ms Louiselle Vassallo li dehret f’isem l-istazzjon kkontendiet li t-trasmissjoni in eżami kienet waħda speċjali bil-parteċipazzjoni ta’ diversi mistiedna fost dawn kien hemm koppja anzjana li kienet għadha kif rebħet il-premju ‘anzjana tas-sena’. Żiedet li inċidentalment din l-istess koppja kienet ukoll twettaq ħidma volontarja mal-Moviment ta’ Kana u fil-fatt kien f’dan il-kuntest li saret riferenza għall-ħidma fi ħdan l-imsemmi Moviment. Ms Vassallo qalet li l-istazzjon qatt ma kellu problemi ta’ dan it-tip u l-operaturi kienu pjenament konxji mill-obbligi u l-parametri tad-direttiva tant li kif avverra ruħu l-episodju oġġezzjonabbli ittieħdu l-miżuri korrettorji. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u meta għarblet ir-riferenzi li saru waqt il-programm in kwistjoni qablet li l-akkuża kontra l-istazzjon ma kienitx tirriżulta u ma ġietx ippruvata.
- ONE - Xandir relatat mar-Referendum - 28 ta’ Mejju, 2011
L-Awtorità kellha quddiemha akkużi fil-konfront ta’ ONE dwar xandir relatat mar-Referendum li xxandar fit-28 ta’ Mejju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir meta fi tliet okkazzjonijiet differenti l-istazzjon kiser id-Direttiva tagħha marbuta mar-Referendum dwar id-Divorzju u ma osservax l-obbligi tiegħu waqt il-jum tas-silenzju ai termini tal-istess Direttiva. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sur Jason Micallef u l-Ms Ruth Vella f’isem l-istazzjon li filwaqt li ddikkjaraw li kienu qiegħdin jammettu l-akkużi kontra l-istazzjon, li kienu riżultat tal-inesperjenza tal-operaturi li kienu xogħol dakinhar, talbu għall-konsiderazzjoni ta’ klemenza. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u in vista tal-fatt li l-istazzjon kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u li l-ksur tad-direttiva avverra ruħu fl-istess jum, l-Awtorità iddeċidiet li l-penali relattiva għat-tliet akkużi tiġi assorbita f’waħda, u għalhekk kienet qed timponi il-penali ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro (€4,660), liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Campus FM dwar il-programm ‘X’rajt, Qrajt, Smajt … u X’naħseb Jien’ li xxandar fis-27 ta’ Mejju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon ma osservax l-obbligi tiegħu waqt il-Jum tas-Silenzju ai termini tal-istess Direttiva. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lill-Avukat Chris Soler u lil Fr Joe Borg li dehru għall-istazzjon, fil-preżenza tal-Avukat Charmaine Cristiano. L-Avukat Soler ikkontenda li l-istazzjon kellu żewġ eċċezzjonijiet prinċipali. Żied li mill-aspett proċedurali l-istazzjon kien qiegħed jilmenta li l-akkuża ma kinitx ċara biżżejjed fis-sens li ma kienx evidenti liema kienu l-klawsoli tad-direttiva li skont il-Kap Eżekuttiv kienu ġew ivvjolati. F’dan l-istadju l-Kap Eżekuttiv ikkonferma li l-akkuża kienet inħarġet ai termini tal-Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir tenut kont tal-provvedimenti konċernanti l-jumejn tas-silenzju kif riflessi fi klawsola 5 tad-Direttiva dwar Programmi u Reklami imxandra waqt l-Elezzjonijiet u Referenda. L-Avukat Soler qal li fil-mertu, jekk wieħed kellu jippresumi li l-akkuża kienet tikkonċerna l-allegat ksur ta’ klawsoli 3 u 5 tad-Direttiva tal-Awtorità, kwalunkwe analiżi kellha titratta l-programm fit-totalita’ tiegħu. L-Avukat Soler ikkontenda li fil-kuntest ta’ klawsola 3, biex din il-klawsola tiġi vvjolata kien meħtieġ li t-tema prinċipali u ċentrali tal-programm tkun id-divorzju, jew il-familja, element li fil-każ in eżami ma kienx jissussisti. Inoltre, fil-kuntest ta’ klawsola 5 (2), fl-ebda ħin waqt il-programm ma kien hemm xi forma ta’ influenza fuq is-semmiegħa biex dawn joħorġu jivvotaw jew ossia kif dawn kellhom jivvotaw. Fr Joe Borg sostna li fil-programm il-preżentatur irrefera għal dak li kien intqal jew inkiteb fil-ġranet tal-kampanja u f’dan il-kuntest dak li ntqal waqt l-imsemmi programm ma setax jaffettwa l-intenzjoni jew il-preferenza tas-semmiegħa. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkonstatat illi din ma kellha l-ebda ntenzjoni li żżomm lil xi ħadd milli jesprimi l-opinjoni tiegħu u din kienet ħaġa li l-Awtorita kienet ġeluża ħafna dwarha, madanakollu fil-qadi tal-doveri Kostituzzjonali tagħha l-Awtorità ma setgħetx ma tissalvagwardjax il-provvedimenti tal-Liġi partikolarment fi żmien sensittiv bħal ġranet tas-silenzju qabel il-ġurnata tar-Referendum jew Elezzjoni. Fil-fatt il-kontenut tal-programm in kwistjoni ma kien ikun jikser l-ebda provvediment tal-Liġi kieku xxandar f’ġurnata oħra li ma kienitx lejliet jew dak in-nhar tar-Referendum. L-Awtorità kienet tal-fehma li meta wieħed jisma l-kontenut tal-programm in kwistjoni joħorġu ċari r-riferenzi għal materji li kienu parti mill-kampanja referenderja li meta jitqiesu fil-kuntest tal-programm kollu kien evidenti li dawn imorru kontra klawsola 5 tad-Direttiva dwar Programmi u Reklamar imxandra waqt il-Kampanja Referendarja li specifikament tirrigwardja dak li huwa permess jixxandar waqt il-ġranet tas-silenzju. Meta qieset dan kollu u wara li rat id-Direttiva, l-Awtorità qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro (€4,660) liema penali kienet qed tkun sospiża għal tletin xahar u marbuta esklussivament ma’ Direttivi tal-Awtorità dwar Programmi u Reklami imxandra waqt l-Elezzjonijiet u Referenda.
|
| | Power FM - Il-Qawwa ta’ Trasmissjoni - Marzu/Mejju 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Power FM dwar il-qawwa ta’ trasmissjoni fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 3(d) tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir, meta minn rapport tal-Awtorità dwar il-Kommunikazjoni, kien jidher ċar li f’Marzu u f’Mejju 2011 il-livell tal-effective radiated power kien għoli aktar minn dak konsentit u stabbilit fil-liċenzja relattiva. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Emanuel Spiteri f’isem l-istazzjon, li kkontenda li l-istazzjon spiss kien isofri minn qtugħ fil-provvista tad-dawl u żied li konsegwenza ta’ dan meta l-provvista tiġi ristabbilita mill-ġdid l-livell jogħla drastikament. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet li l-akkuża ġie ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix dan in-nuqqas, L-Awtorità ddiriġiet li l-istazzjon kellu jirrimborsa €69 lill-Awtorità rappreżentanti l-ispejjeż marbutin mat-testijiet li ġew magħmula mill-Awtorità dwar il-Kommunikazzjoni. |
| | ONE - Affari Tagħna -25 ta’ Mejju, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha ilment mibgħut illum [26 ta' Mejju, 2011] mill-Moviment Żwieġ Bla Divorzju kontra ONE dwar il-mod ta’ kif ġiet imxandra stqarrija ordnata mill-Awtorità tax-Xandir b’deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2011, b’rimedju għall-iżbilanċ fil-programm “Affari Tagħna” mxandar fl-20 ta’ Mejju, 2011. L-Awtorità iddiskutiet l-ilment odjern f’seduta li nżammet illum u ddeċidiet li dak li fil-fatt ġie imxandar fuq ONE ilbieraħ sew fit-totalità tiegħu u l-mod kif ġie imxandar, jagħtu rimedju effettiv għall-iżbilanċ fl-imsemmi programm skont kif kienet ordnat l-istess Awtorità u għalhekk l-ilment magħmul mill-Moviment Żwieġ Bla Divorzju llum m’huwiex qed jiġi milqugħ. |
| | ONE - Affari Tagħna -20 ta’ Mejju, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Moviment Żwieġ Bla Divorzju kontra ONE dwar il-programm Affari Tagħna mxandar fl-20 ta’ Mejju, 2011, fejn ġie allegat li dan il-programm kien wieħed “kompletament żbilanċjat favur l-argument imressaq mill-Moviment favur id-divorzju”. L-Awtorità semgħet is-sottomissjoniet tal-partijiet f’seduta li nżammet illum u ddeċidiet li fl-edizzjoni tal-programm in eżami kien hemm element ta’ żbilanċ li kien imur kontra d-direttiva tagħha stess. L-Awtorità innutat ukoll li waqt il-programm issemmew persuni mill-Moviment Żwieġ bla Divorzju li ma kienux preżenti u li għalhekk ma setgħux jagħtu l-veduti tagħhom. In vista ta’ dan l-Awtorità iddeċidiet li l-Moviment Żwieġ bla Divorzju jingħata rimedju għal dan l-iżbilanċ billi tinqara stqarrija tal-istess Moviment, li m’għandhiex teċċedi 180 sekonda, u li permezz tagħha dan jagħti l-veduti tiegħu fuq xi punti rilevati waqt l-imsemmi programm. Abbozz ta’ din l-istqarrija għandu jkun ikkonsenjat għand l-Awtorità għall-approvazzjoni tagħha sa mhux aktar tard minn għada f’nofsinhar. Ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità qed tordna li din l-istqarrija hekk kif approvata minnha, għandha tinqara qabel ma’ jibda l-programm skedat fit-8:35p.m. li skont l-iskeda ta’ ONE, sottomessa lill-istess Awtorità, huwa l-programm TX. Din l-istqarrija għandha tinqara mingħajr ma tkun akkumpanjata mill-ebda viżwali għajr għat-test tal-istess stqarrija. L-Awtorità żammet id-dritt li tieħu miżuri ulterjuri f’każ li din id-direttiva ma tiġix osservata b’mod sħiħ kif indikat. |
| | ONE - Stylish Bathroom – Telebejgħ - 2-5 ta' Mejju 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar programmi Stylish Bathroom – Telebejgħ li xxandru fit-2, 3, 4 u l-5 ta’ Mejju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafi 19, 20 u 23 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir, meta kien hemm ksur tar-regoli dwar it-Telebejgħ. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella f’isem l-istazzjon. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż tal-fatt li din l-akkuża ma kienitx kontestata, qablet li l-akkuża ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix dan in-nuqqas. |
| | TVM - Starboard - 20 ta' April 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Starboard li xxandar fl-20 t’April, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 16 M (3) (b), (c) u (d) u ksur ta’ paragrafi 4 u 8 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta ma kienx hemm distinzjoni adekwata bejn il-kontenut informattiv u dak reklamatorju, ma kienx indikat li fil-programm kien ser ikun hemm tqegħid ta’ prodott, u kien hemm prominenza eċċessiva għall-prodotti partikolari. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sinjuri Ray Libreri u Teddy Borg f’isem l-istazzjon u l-produzzjoni rispettivament u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon u ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex tali nuqqasijiet ma jirrepetux ruħhom. |
| | ONE - Siegħa Żmien ma’ Ġorg - 19 t’April, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Siegħa Żmien ma’ Ġorg li xxandar fid-19 t’April, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16K (a) u (f), u Artiklu 16M (4) (b) tal-Att dwar ix-Xandir, kif ukoll ksur ta’ paragrafi 9.1(c) u 13.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika fuq Programmi li jinvolu l-Parteċipazzjoni ta’ Ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li japplikaw għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali meta waqt rokna fl-imsemmi programm saret referenza u reklamar b’ħabi għal mediċinali li tintuża biex ikun ikkontrollat il-piż żejjed imsejħa ‘human chorionic gonadotrophin’ (HCG) li kienet tingħata b’riċetta ta’ tabib. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lil Ms Ruth Vella f’isem l-istazzjon u lis-Sur Joseph Borg f’isem il-produzzjoni. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet mal-Kap Eżekuttiv li dan kien każ serju partikolarment minħabba l-fatt illi l-amministrazzjoni ta’ din il-mediċinali seta’ jkollha konsegwenzi serji fuq il-pazjent, liema konsegwenzi ma kienux issemmew waqt il-programm. Żied li f’dan is-sens persuni “vulnerabbli” setgħu isofru serjament fin-nuqqas ta’ informazzjoni ċara u komprensiva u li l-istazzjon kellu l-obbligu jieħu l-miżuri neċessarji. L-Awtorità irriteniet ukoll l-istazzjonijiet kellhom ifittxu li jindirizzaw din it-tip ta’ informazzjoni b’attenzjoni kbira. In vista ta’ dan l-Awtorità iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u li kellha timponi l-penali relattiva ta’ elf seba’ mija u ħamsin Ewro (€1,750) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tal-lum. |
| | Net TV - It-Tnejn l'Huma - 14 ta' April 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm it-Tnejn l’Huma li xxandar fl-14 t’April, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt rokna dwar l-ivvjaġġar ma kienx hemm distinzjoni ċara bejn l-element informattiv u dak reklamatorju. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sur Etienne Mallia f’isem l-istazzjon u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet li l-akkuża ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mil-lum. |
| | ONE TV - X'Ħadd Magħna - 10 ta' April, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm ‘X’Ħadd Magħna’ li xxandar fl-10 t’April, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta ixxandar ammont eċċessiv ta’ reklami u ċjoè 14’12” bejn it-15.00 u l-16.00. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sur Jason Micallef f’isem l-istazzjon. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet li l-akkuża ġiet ippruvata u ddeċidiet li kellha timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar. |
| | TVM - Ħadd Għalik - 10 ta' April 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha żewġ akkużi fil-konfront ta’ TVM dwar il-programmi ta’ Ħadd Għalik li xxandru fl-20 u s-27 ta’ Frar, 2011 u fl-10 t’April, 2011, fejn fl-ewwel akkuża dwar il-programmi tal-20 u s-27 ta’ Frar, 2011 ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 5.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar dwar Logħob tal-Azzard fuq is-Servizzi tax-Xandir, ksur tal-paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, ksur ta’ paragrafu 4.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet fil-Mezzi tax-Xandir u kif ukoll ksur ta’ paragrafu 5.1 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar dwar Logħob tal-Azzard fuq is-Servizzi tax-Xandir. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Mario Micallef f’isem l-istazzjon, u lil Ms Angie Laus f’isem il-Produzzjoni. L-Awtorità, ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni dwar parti mill-ewwel akkuża, u filwaqt li saħqet fuq ir-responsabbilità tax-xandâr li josserva l-liġi u jippreżerva livell għoli ta’ programmazzjoni, qablet li l-akkużi kienu ġew ippruvati u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati iddeċidiet li timponi l-penali amministrattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) li għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum. |
| | TVM - Bonġu - 8 ta' April 2011: Ilment minn Ms Mariella Debattista rigward il-programm Bonġu | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar ilment fil-konfront tal-Public Broadcasting Services Limited dwar il-programm Bonġu li xxandar fit-8 t’ April, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 5.3 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti tal-Premijiet fil-Mezzi tax-Xandir meta l-istazzjon naqas li jikkonsenja premju dovut lill-parteċipanta fl-imsemmi programm Ms Mariella Debattista. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lil Ms Mariella Debattista, lis-Sur Mario Micallef għall-istazzjon, lil Ms Jordan Degiorgio għall-produtturi u lis-Sur Karl Azzopardi għas-soċjeta’ Fantasy Tours (sponsor tal-premju), f’seduta li nżammet fit-30 t’Awwissu, 2011. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijet tal-partijiet u filwaqt li issottolineat il-fatt li dan l-aspett kien jaqa’ taħt ir-responsabbiltà esklussiva tal-istazzjon, li minn naħa tiegħu kellu jara li l-obbligi assunti waqt il-programmi jiġu onorati u rispettati pjenament, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160), Madanakollu in vista tad-dikjarazzjoni min naħa tas-Sur Karl Azzopardi li l-premju dovut kien ser jingħata sat-tmiem il-ġimgħa din id-deċiżjoni ġiet sospiża għal sitt xhur mid-data ta’ din in-notifika. L-Awtorità iddiriġiet li l-każ kellu jibqa’ jiġi segwit u tablet lil Ms Debattista iżżommha infurmata dwar l-eżitu tiegħu. |
| | ONE - Kalamita - 30 ta' Marzu 2011 | Ninfurmak li tenut kont tal-fatt li l-istazzjon ammetta l-akkuża dwar il-programm Kalamita li xxandar fit-30 ta’ Marzu, 2011 mingħajr kontestazzjoni, ai termini tal-Att dwar ix-Xandir dan għandu jħallas il-penali relattiva ta’ disa’ mija u tletin Ewro (€930) kif stabbilita fil-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir fi żmien xahar mil-lum. | | | | TVM - 12:05 - 30 ta' Marzu 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm 12:05 li xxandar fit-30 ta’ Marzu, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt rokna tat-tisjir bil-parteċipazzjoni ta’ Carmen Tedesco ma kienx hemm distinzjoni ċara bejn l-element informattiv u dak reklamatorju peress li ntweriet pop up li kienet tirreferi għal tadam tad-ditta Vera fl-istess waqt li l-mistiedna kienet qiegħda tirreferi għat-tadam. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sinjuri Ray Libreri u Sandro Kitcher f’isem l-istazzjon u l-produzzjoni rispettivament u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet li l-akkuża ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) liema penali kellha titħallas fi żmien xahar mil-lum. |
| | TVM - Bonġu - 14 ta' Marzu 2011: Ilment minn Ms Laura Sammut | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar ilment fil-konfront tal-Public Broadcasting Services Limited dwar il-programm Bonġu li xxandar fl-14 ta’ Marzu, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 5.3 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti tal-Premijiet fil-Mezzi tax-Xandir meta l-istazzjon naqas li jikkonsenja premju dovut lill-parteċipanta fl-imsemmi programm Ms Laura Sammut. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u kif ukoll lil Ms Laura Sammut, lis-Sur Mario Micallef għall-istazzjon, lil Ms Jordan Degiorgio għall-produtturi u lis-Sur Karl Azzopardi għas-soċjeta’ Fantasy Tours (sponsor tal-premju), f’seduta li nżammet fit-30 t’Awwissu, 2011. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijet tal-partijiet u filwaqt li issottolineat il-fatt li dan l-aspett kien jaqa’ taħt ir-responsabbiltà esklussiva tal-istazzjon, li minn naħa tiegħu kellu jara li l-obbligi assunti waqt il-programmi jiġu onorati u rispettati pjenament, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160), madanakollu in vista tad-dikjarazzjoni min naħa tas-Sur Karl Azzopardi li l-premju dovut kien ser jingħata sat-tmiem il-ġimgħa din id-deċiżjoni ġiet sospiża għal sitt xhur mid-data ta’ din in-notifika. L-Awtorità iddiriġiet li l-każ kellu jibqa’ jiġi segwit u tablet lil Ms Sammut iżżommha infurmata dwar l-eżitu tiegħu. |
| | TVM - Deċeduti - 10 u 17 ta' Marzu 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Deċeduti li xxandar fl-10 u fis-17 ta’ Marzu, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir fil-programm tal-10 ta’ Marzu u ksur ta’ Artiklu 16 M (3)(c) fil-programm tas-17 ta’ Marzu, 2011 meta fl-ewwel istanza saru kummenti meqjusin promozzjonali għal Grand Premier Event u għalhekk ma kienx hemm distinzoni bejn il-kontenut u l-element promozzjonali fi programm speċjali, filwaqt li fit-tieni istanza, ingħatat informazzjoni eċċessiva waqt tqegħid ta’ prodott konċernanti il-websajt maltabride.com. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sur Ray Libreri f’isem l-istazzjon, u lis-Sinjuri Carlos Debattista u Abigail Mallia għall-produzzjoni u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet li l-ewwel akkuża ma irriżultatx u ma ġietx ippruvata, filwaqt li dwar it-tieni akkuża din sabet l-istazzjon ħati peress li rriteniet li saret promozzjoni eċċessiva fil-każ tat-tqegħid tal-prodott, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix dan il-ksur tal-liġi. |
| | ONE Radio - Drive Time - 2 ta' Marzu, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE Radio dwar il-programm Drive Time li xxandar fit-2 ta’ Marzu, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz ta’ Telefonati u SMSs fil-Mezzi tax-Xandir meta l-istazzjon naqas li jxandar il-prezz tal-SMS. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sur Jason Micallef f’isem l-istazzjon. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet li l-akkuża ġie ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix dan in-nuqqas.
|
| | TVM - Bondiplus - 28 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu, 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista dwar l-edizzjonijiet tal-programm Bondiplus tat-28 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu, 2011 li trattaw il-konflitt fil-Libja u l-effett ta’ dan fuq Malta. Fl-ilment tiegħu il-Partit Laburista ilmenta għall-fatt illi fiż-żewġ edizzjonijiet ma kienitx riflessa l-pożizzjoni tal-Partit u dan meta fl-ewwel programm kien mistieden esklussivament il-Prim Ministru, filwaqt li fit-tieni programm kienu mistednin il-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern, liema aġir skont il-Partit kien jikkostitwixxi żbilanċ manifest. L-Awtorità semgħet lill-Avukat Toni Abela u lis-Sur Kurt Farrugia għall-Partit Laburista, u kif ukoll lil Dr Natalino Fenech u lil Dr Therese Comodini Cachia f’isem l-istazzjon, u lis-Sur Lou Bondi għall-Produtturi. L-Avukat Abela ikkontenda illi l-edizzjonijiet tal-programm in eżami kienu jikkonċernaw tema ta’ interess sinjifikanti u partikolari għall-poplu Malti u kienet okkażjoni fejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni kienu qed jaqblu fuq il-pożizzjoni u r-rwol ta’ Malta fil-kuntest ta’ dan il-konflitt li kien qiegħed iseħħ ftit ‘il bogħod minn pajjiżna. Huwa tenna li l-produzzjoni kienet għarfet l-importanza li l-poplu jkun infurmat dwar dak li kien għaddej u kif dan kien qiegħed jimpinġi fuq il-pajjiż u saħansitra iddeċidiet li kellha tagħmel edizzjoni speċjali fit-28 ta’ Frar, 2011, fejn saret intervista (one to one) mal-Prim Ministru f’Kastilja. L-Avukat Abela stqarr li dwar din l-ewwel edizzjoni tal-programm, il-Partit ma kienx qed jistenna li jkun mistieden il-Kap tal-Oppożizzjoni, madankollu kien iħoss li kien l-obbligu tal-istazzjon li jagħmel aċċenn għall-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni u ċjoè li din kienet qiegħda tappoġġja l-pożizzjoni tal-Gvern Malti – element li fiċ-ċirkostanzi kien wieħed sinjifikattiv. Żied li fl-edizzjoni tas-7 ta’ Marzu 2011, għal darba oħra, il-veduti u l-pożizzjoni tal-Partit Laburista ma kienux irrappreżentati meta il-preżenza ta’ esponent mill-Oppożiżżjoni fl-istudjo kienet mankanti. F’dan l-istadju Dr Natalino Fenech qal li għal dan il-programm l-istazzjon kien stieden lis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista Dr Alex Sciberras Trigona, li minn naħa tiegħu ma laqgħax l-istedina. L-Avukat Abela sostna li l-fatt li kienet saret stedina u din ma ġietx milqugħa, ma kienx jiġġustifika l-aġir tal-istazzjon li ma jagħmilx ħiltu biex isib esponent alternattiv minn naħa tal-Oppożizzjoni. Filwaqt li rrefera għall-provvedimenti tal-liġi dwar it-tħaris tal-imparzjalità, l-Avukat Abela sostna li minkejja li l-materja trattata fil-programmi in eżami ma kienitx ta’ kontroversja politika, iżda waħda ta’ policy pubblika kurrenti, xorta waħda l-istazzjon kellu jara li l-pożizzjoni tal-Partit Laburista tkun b’xi mod riflessa proprju fl-edizzjonijiet in eżami, u mhux f’xi edizzjoni suċċessiva. Is-Sur Lou Bondi minn naħa tiegħu ikkontenda li jekk wieħed kellu jħares lejn id-domandi li kienu saru lill-Prim Ministru kien jintebaħ li dawn kienu domandi li l-Prim Ministru biss kien f’pożizzjoni li jwieġeb għaliex kienu jolqtu direttament il-pożizzjoni uffiċċjali tal-Gvern. Dwar l-ilment li l-pożizzjoni tal-Partit Laburista/Oppożizzjoni ma kienitx riflessa fil-programmi, is-Sur Bondi tenna li fil-fatt din il-pożizzjoni ma kienitx magħrufa. Żied li dwar l-istedina lis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, l-istazzjon kien ħass li Dr Alex Sciberras Trigona seta’ jagħti kontribut għad-diskussjoni u dan in vista tal-kariga tiegħu fi ħdan il-partit, u kien il-kompitu tiegħu, ċioe ta’ Dr Sciberras Trigona, li jara li l-assenza tiegħu tkun rimpjazzata b’xi esponent ieħor. Dr Commodini Cachia f’isem l-istazzjon ikkontendiet li ż-żewġ programmi in eżami kienu ta’ natura purament informattiva u mhux dwar kontroversja politika, jew partiġġjana. Żiedet li d-diskussjoni dwar is-suġġett kienet żvolġiet fiż-żewġ programmi suċċessivi fejn il-Partit Laburista kien rappreżentat. Is-Sur Kurt Farrugia sostna li l-ilment kien ibbażat fuq il-fatt li l-veduti u l-pożizzjoni tal-Partit Laburista ma kienux riflessi f’żewġ edizzjonijiet ta’ Bondiplus. Żied li Dr Alex Sciberras Trigona ma setax jitqies bħala il-counterpart tal-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern u li fil-passat meta mitlub il-Partit Laburista dejjem ikkollabora mal-istazzjon dwar parteċipazzjoni ta’ kelliema fi programmi u li kieku l-istazzjon talab din il-kollaborazzjoni in vista tal-assenza ta’ Dr Sciberras Trigona din kienet tingħata. Żied li dwar il-kriżi fil-Libja il-Partit Laburista kien ippubblika żewġ stqarrijiet li ħarġu qabel ma’ xxandar il-programm tas-7 ta’ Marzu u għalhekk il-pożizzjoni tal-Partit Laburista kienet magħrufa u magħmula pubblika. L-Awtorita` iddiskutiet fit-tul is-sottomissjonijiet tal-partijiet u ikkonkludiet li: Fil-każ tal-programm imxandar fit-28 ta’ Frar 2011, ma jirriżultax li kien hemm żbilanċ. Il-programm kien f’forma one-to-one, li l-istess Awtorita` qablet, anke permezz ta’ deċiżjonijiet preċedenti, li l-fatt li jkun hemm mistieden wieħed biss, f’dan il-każ il-Prim Ministru, mhux neċessarjament jikkostitwixxi żbilanċ għall-fini tal-liġi Dwar ix-Xandir u għalhekk l-ilment tal-Partit Laburista f’dan ir-rigward m’għandux jiġi aċċettat. Fil-każ tal-programm imxandar fis-7 ta’ Marzu 2011, jirriżulta li l-istazzjon stieden lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u lill-Ministru tal-Ġustizzja u Intern u Lecturer mill-Universita` ta’ Malta biex jieħdu sehem fil-programm. Ġew inklużi wkoll Voice Clips u intervisti bit-telefon ma’ numru ta’ personalitajiet oħra. L-istazzjon stieden ukoll lis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista u dan ma setgħax jaċċetta l-istedina. Hija l-opinjoni tal-Awtorita` li ġaladarba l-istazzjon, kif kien fid-dover li jagħmel, ħass li mal-opinjonijiet minn naħa tal-Gvern kellhom jiġu nklużi wkoll l-opinjonijiet tal-Oppożizzjoni / Partit Laburista, kellu żmien biżżejjed biex jistieden rappreżentant ieħor tal-Partit Laburista, li f’dan il-każ kien ikun aktar indikat li jiġi mistieden il-kelliemi tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin jew il-kelliemi tal-Oppożizzjoni għall-Intern. Il-fatt li l-istazzjon naqas li jestendi din l-istedina kif kien obbligat jagħmel, ikkawża żbilanċ fil-programm u għalhekk l-ilment tal-Parit Laburista fir-rigward ta’ dan il-programm qed jiġi aċċettat. - Minħabba l-oltranza taż-żmien ma kienetx tinħass il-ħtieġa ta’ rimedju għal dan l-ilment.
|
| | Net TV - House Magazine - 23 ta' Frar 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm House Magazine li xxandar fit-23 ta’ Frar, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta ixxandar reklamar għal lighting designer meta din kienet mistiedna fl-istudjo f’rokna informattiva. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sur Jeffrey Dalli f’isem l-istazzjon, u lis-Sur Paul Mifsud għall-produzzjoni. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u peress li din ma kinitx l-ewwel darba li l-programm instab ħati kellha timponi l-penali amministrattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) li kellha titħallas fi żmien xahar mil-lum. |
| | Radju Malta - Diċembru 2010/Jannar/Marzu 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha żewġ akkużi fil-konfront ta’ Radju Malta dwar trasmissjonijiet tat-23 ta’ Diċembru u l-5 ta’ Jannar, 2011 u l-14 ta’ Marzu, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 5.2 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Rekalmar dwar logħob tal-Azzard fuq is-Servizzi tax-Xandir. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Ray Libreri li deher f’isem l-istazzjon u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż tal-fatt illi l-Public Broadcasting Services Limited ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha, iddeċidiet li l-akkużi kienu ġew ippruvati u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati, imponiet l-penali relattiva ta’ €1,160, li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din in-notifika. |
| | TVM - Lux Design - 6 ta' Marzu 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Lux Design li xxandar fis-6 ta’ Marzu, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16M (1) tal-Att dwar ix-Xandir. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Mario Micallef f’isem l-istazzjon u lis-Sur Mark Barbara li deher għall-produzzjoni. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati iddeċidiet li timponi l-penali amministrattiva ta’ Elfejn tlett mija u tletin Ewro (€2,330) li għandha titħallas fi żmien xahar mil-lum. |
| | XFM - Le Meridien Big Breakfast with Jean and Angele - 2 ta' Marzu 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ XFM 100.2 dwar il-programm Le Meridien Big Breakfast with Jean and Angele li xxandar fit-2 ta’ Marzu, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz ta’ Telefonati u SMSs fil-Mezzi tax-Xandir. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sur David Azzopardi f’isem l-istazzjon, li filwaqt li ammetta l-akkuża iddikjara li l-istazzjon kien ħa l-miżuri korrettorji hekk kif kien notifikat dwar il-ksur. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-istazzjon u qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu, peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon u dan bil-għan li tali aġir ma jiġix ripetut. |
| | One Radio - Jack … Bini ma’ Zoo - 28 ta' Frar 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ One Radio dwar il-programm Jack … Bini ma’ Zoo li xxandar fit-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta xi lingwaġġ li xxandar fil-programm kien imur kontra l-gosti tajbin. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv, lis-Sur Jason Micallef f’isem l-istazzjon u lis-Sur Daniel Chircop li deher f’isem il-produtturi u li kien assistit mill-Avukat Neville Young. L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkonstatat illi għalkemm kien minnu li l-frażi oġġezzjonabbli kienet abbrevjazzjoni ta’ isem ta’ wieħed mill-karattri fil-programm, il-kuntest li fih din il-frażi intużat waqt il-programm ma kienx jinftiehem b’dan il-mod. In oltre, l-Awtorità sostniet li l-istazzjon u l-produtturi kellhom ir-responsabbiltà li jqisu l-effett li ċertu lingwaġġ kien ser iħalli fuq is-semmiegħa. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet u wara li qieset ukoll li l-edizzjonijiet tal-programm in eżami ixxandru f’ħin li t-tfal setgħu kienu qed isegwu ir-radju (16.24), l-Awtorita’ qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu, peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon u dan bil-għan li tali aġir ma jiġix ripetut. |
| | ONE - Affari Tagħna - 25 ta' Frar 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar il-programm Affari Tagħna li xxandar fil-25 ta’ Frar, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 16L(4) tal-Att dwar ix-Xandir u Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta l-programm kien sponsorizzat minkejja li l-edizzjoni in eżami kienet meqjusa bħala waħda li trattat ġrajjiet kurrenti (id-Divorzju) u l-istazzjon xandar ammont eċċessiv ta’ reklami bejn l-22.00 u l-23.00. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, u lis-Sur Jason Micallef f’isem l-istazzjon. L-Awtorità, wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet, inkluż tal-ammissjoni dwar it-tieni parti tal-akkuża, iddeċidiet li kellha twiddeb l-istazzjon dwar l-ewwel parti tal-akkuża, filwaqt li kellha timponi l-penali amministrattiva ta’ elf mija u sittin Ewro (€1,160) fir-rigward tat-tieni parti tal-akkuża. |
| | Akkuża fil-konfront ta’ Deejays Radio | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Deejays Radio dwar il-Licensed Transmitting Power tal-istazzjon fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 10(10) tal-Att dwar ix-Xandir; paragrafu 3(d) tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar ix-Xandir; u kif ukoll paragrafu 1(e) tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar ix-Xandir sabiex l-Awtorità tkopri l-ispejjeż marbuta mal-ispezzjoni li għamlet l-MCA dwar l-apparat tal-istazzjon. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Edward Spiteri li deher f’isem l-istazzjon. L-Awtorità ħadet konjizzoni tas-sottimissjonijiet tal-partijiet u għalkemm dehrilha li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon bil-għan li dawn in-nuqqasijiet ma jiġux ripetuti u qed tordnalek tħallas is-somma ta’ €57.50 rappreżentanti l-ispejjeż assoċjati ma’ testijiet li ikkummissjonat l-Awtorità |
| | TVM - Bonġu - 10, 17, 24 ta' Frar 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Bonġu li xxandar fl-10, 17 u l-24 ta’ Frar 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Ray Libreri li deher f’isem l-istazzjon, u kif wkoll lis-Sur Sandro Kitcher li deher għall-produzzjoni u wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet, l-Awtorita qablet li l-akkuza kienet ġiet ippruvata izda peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon. |
| | NET TV - Niltaqgħu - 31 ta' Jannar 2011 | L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ NET TV dwar il-programm Niltaqgħu li xxandar fil-31 ta’ Jannar, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir. L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, kif wkoll lis-Sur Josef Fitzpatrick f’isem l-istazzjon. Wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet l-Awtorità qablet illi, l-akkuża kienet ġiet ippruvata, u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjoni instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li timponi il-penali relattiva ta’ €1,165, li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data ta’ din l-ittra.
| Deċiżjoni dwar ilment minn Dr Natalino Fenech kontra One rigward dritt ta' risposta mitlub mill-PBS | F’seduti li nżammu t-Tlieta 8 u 15 ta’ Novembru 2011 l-Awtorita’ semgħet u kkunsidrat ilment imressaq minn Dr Natalino Fenech f’isem il-PBS kontra ONE dwar żewġ każijiet ta’ dritt ta’ risposta rigwardanti rapport imxandar fuq l-istess stazzjon. Il-PBS ilmenta li ż-żewġ talbiet għal dritt ta’ risposta, rigwardanti żewġ rapporti fuq ONE News datati 15 u 16 ta’ Settembru 2011 rispettivament, dwar deċiżjoni tal-Awtorità u kjarifika tal-istess, ma xxandrux. L-Awtorità kkunsidrat dan l-ilment ai termini ta’ Artikolu 34 tal-Att dwar ix-Xandir li jagħti s-setgħa lill-istess Awtorita’ titratta ilmenti dwar trattament inġust jew mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju u kif ukoll fuq it-televizjoni. L-Awtorita’ semgħet lill-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi, lis-Sur Kurt Farrugia, u lis-Sur Mark Farrugia għall-ONE u l-Avukat Therese Comodini Cachia u l-Dr Natalino Fenech li dehru f’isem il-PBS. Il-PBS ikkontenda li ż-żewġ ittri bid-Dritt ta’ Risposta mibgħuta lil ONE nhar it-28 ta’ Settembru u l-5 t’Ottubru, 2011 fil-fatt qatt ma kienu mxandra u għalhekk kien qed jitlob lill-Awtorità tiddeċiedi jekk l-ilment kienx ġustifikat, u jekk dan kien il-każ, l-istazzjon jingħata r-rimedju rispettiv. Minn naħa tagħhom ir-rappreżentanti ta’ ONE ikkontendew li l-kontenut tad-Dritt għal Risposta li kien intbgħat minn Dr Natalino Fenech kien rifless u kopert fit-tieni stqarrija ppubblikata mill-Awtorità tax-Xandir bil-għan li jkunu ċċarati xi ineżattezzi fir-rapport dwar l-imsemmija deċiżjoni fuq ONE News, liema stqarrija kienet ġiet irrapportata fl-intier tagħha mill-istess stazzjon u għalhekk skont l-istazzjon ma’ kienx hemm ħtieġa li dan id-Dritt ta’ Risposta jingħata. Żied li meta l-Awtorità ordnat lill-ONE News sabiex sussegwentement ixandar l-istqarrija korrettorja tagħha, il-PBS kien qed jingħata r-rimedju li talab. Il-PBS irritjeniet li x-xandir tal-istqarrija tal-Awtorita` ma kienx jissodisfa d-dritt tar-risposta mitluba minnha minħabba li l-punti li għalihom għamel riferenza Dr Natalino Fenech ma kienux l-istess bħal dawk li kienu rikjesti fl-istqarrija tal-Awtorita`. L-Awtorità ddiskutiet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dispożizzjonijiet tal-liġi inkluż dawk rigwardanti ‘Dritt ta’ Risposta’ kif riflessi fl-Avviż Legali 350.14 dwar Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar l-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti. In vista ta’ dan, l-Awtorita’ qablet li ma setgħetx tilqa’ s-sottomissjoni ta’ ONE li r-raġuni wara d-deċiżjoni tiegħu li ma jxandarx l-imsemmija drittijiet ta’ risposta kienet marbuta mal-fatt li dan kien diġa’ xandar l-istqarrija maħruġa mill-istess Awtorita’ fl-intier tagħha. L-Awtorita’ saħqet li stazzjon kellu l-obbligu jxandar Dritt għal Risposta sakemm dan kien jirrispetta pjenament ir-regolamenti tagħha u għaldaqstant fiċ-ċirkostanzi tal-każ iddeċidiet li l-ilment kien ġustifikat. In vista tal-fatt li dan l-ilment kien ħa numru ta’ ġimgħat biex ikun konkluż, u dan għal raġunijiet mhux fil-kontroll tagħha, l-Awtorita’ ddeċidiet li f’dan il-każ għalkemm l-ilment tal-PBS kien intlaqa’, ma kienx il-każ li jingħata rimedju. |
|
|
|
 |
|