TVM - Bond+ - 28 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu, 2011




Ilment mill-Partit Laburista 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista dwar l-edizzjonijiet tal-programm Bondi+ tat-28 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu, 2011 li trattaw il-konflitt fil-Libja u l-effett ta’ dan fuq Malta. 

Fl-ilment tiegħu il-Partit Laburista ilmenta għall-fatt illi fiż-żewġ edizzjonijiet ma kienitx riflessa l-pożizzjoni tal-Partit u dan meta fl-ewwel programm kien mistieden esklussivament il-Prim Ministru, filwaqt li fit-tieni programm kienu mistednin il-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern, liema aġir skont il-Partit kien jikkostitwixxi żbilanċ manifest.

L-Awtorità semgħet lill-Avukat Toni Abela u lis-Sur Kurt Farrugia għall-Partit Laburista, u kif ukoll lil Dr Natalino Fenech u lil Dr Therese Comodini Cachia f’isem l-istazzjon, u lis-Sur Lou Bondi għall-Produtturi.

L-Avukat Abela ikkontenda illi l-edizzjonijiet tal-programm in eżami kienu jikkonċernaw tema ta’ interess sinjifikanti u partikolari għall-poplu Malti u kienet okkażjoni fejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni kienu qed jaqblu fuq il-pożizzjoni u r-rwol ta’ Malta fil-kuntest ta’ dan il-konflitt li kien qiegħed iseħħ ftit ‘il bogħod minn pajjiżna. Huwa tenna li l-produzzjoni kienet għarfet l-importanza li l-poplu jkun infurmat dwar dak li kien għaddej u kif dan kien qiegħed jimpinġi fuq il-pajjiż u saħansitra iddeċidiet li kellha tagħmel edizzjoni speċjali fit-28 ta’ Frar, 2011, fejn saret intervista (one to one) mal-Prim Ministru f’Kastilja.

L-Avukat Abela stqarr li dwar din l-ewwel edizzjoni tal-programm, il-Partit ma kienx qed jistenna li jkun mistieden il-Kap tal-Oppożizzjoni, madankollu kien iħoss li kien l-obbligu tal-istazzjon li jagħmel aċċenn għall-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni u ċjoè li din kienet qiegħda tappoġġja l-pożizzjoni tal-Gvern Malti – element li fiċ-ċirkostanzi kien wieħed sinjifikattiv. Żied li fl-edizzjoni tas-7 ta’ Marzu 2011, għal darba oħra, il-veduti u l-pożizzjoni tal-Partit Laburista ma kienux irrappreżentati meta il-preżenza ta’ esponent mill-Oppożiżżjoni fl-istudjo kienet mankanti. 

F’dan l-istadju Dr Natalino Fenech qal li għal dan il-programm l-istazzjon kien stieden lis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista Dr Alex Sciberras Trigona, li minn naħa tiegħu ma laqgħax l-istedina.

L-Avukat Abela sostna li l-fatt li kienet saret stedina u din ma ġietx milqugħa, ma kienx jiġġustifika l-aġir tal-istazzjon li ma jagħmilx ħiltu biex isib esponent alternattiv minn naħa tal-Oppożizzjoni.  Filwaqt li rrefera għall-provvedimenti tal-liġi dwar it-tħaris tal-imparzjalità, l-Avukat Abela sostna li minkejja li l-materja trattata fil-programmi in eżami ma kienitx ta’ kontroversja politika, iżda waħda ta’ policy pubblika kurrenti, xorta waħda l-istazzjon kellu jara li l-pożizzjoni tal-Partit Laburista tkun b’xi mod riflessa proprju fl-edizzjonijiet in eżami, u mhux f’xi edizzjoni suċċessiva.

Is-Sur Lou Bondi minn naħa tiegħu ikkontenda li jekk wieħed kellu jħares lejn id-domandi li kienu saru lill-Prim Ministru kien jintebaħ li dawn kienu domandi li l-Prim Ministru biss kien f’pożizzjoni li jwieġeb għaliex kienu jolqtu direttament il-pożizzjoni uffiċċjali tal-Gvern. Dwar l-ilment li l-pożizzjoni tal-Partit Laburista/Oppożizzjoni ma kienitx riflessa fil-programmi, is-Sur Bondi tenna li fil-fatt din il-pożizzjoni ma kienitx magħrufa. Żied li dwar l-istedina lis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, l-istazzjon kien ħass li Dr Alex Sciberras Trigona seta’ jagħti kontribut għad-diskussjoni u dan in vista tal-kariga tiegħu fi ħdan il-partit, u kien il-kompitu tiegħu, ċioe ta’ Dr Sciberras Trigona, li jara li l-assenza tiegħu tkun rimpjazzata b’xi esponent ieħor.

Dr Commodini Cachia f’isem l-istazzjon ikkontendiet li ż-żewġ programmi in eżami kienu ta’ natura purament informattiva u mhux dwar kontroversja politika, jew partiġġjana.  Żiedet li d-diskussjoni dwar is-suġġett kienet żvolġiet fiż-żewġ programmi suċċessivi fejn il-Partit Laburista kien rappreżentat.

Is-Sur Kurt Farrugia sostna li l-ilment kien ibbażat fuq il-fatt li l-veduti u l-pożizzjoni tal-Partit Laburista ma kienux riflessi f’żewġ edizzjonijiet ta’ Bondiplus.  Żied li Dr Alex Sciberras Trigona ma setax jitqies bħala il-counterpart tal-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern u li fil-passat meta mitlub il-Partit Laburista dejjem ikkollabora mal-istazzjon dwar parteċipazzjoni ta’ kelliema fi programmi u li kieku l-istazzjon talab din il-kollaborazzjoni in vista tal-assenza ta’ Dr Sciberras Trigona din kienet tingħata. 

Żied li dwar il-kriżi fil-Libja il-Partit Laburista kien ippubblika żewġ stqarrijiet li ħarġu qabel ma’ xxandar il-programm tas-7 ta’ Marzu u għalhekk il-pożizzjoni tal-Partit Laburista kienet magħrufa u magħmula pubblika.

L-Awtorita` iddiskutiet fit-tul is-sottomissjonijiet tal-partijiet u ikkonkludiet li:

  • Fil-każ tal-programm imxandar fit-28 ta’ Frar 2011, ma jirriżultax li kien hemm żbilanċ.  Il-programm kien f’forma one-to-one, li l-istess Awtorita` qablet, anke permezz ta’ deċiżjonijiet preċedenti, li l-fatt li jkun hemm mistieden wieħed biss, f’dan il-każ il-Prim Ministru, mhux neċessarjament jikkostitwixxi żbilanċ għall-fini tal-liġi Dwar ix-Xandir u għalhekk l-ilment tal-Partit Laburista f’dan ir-rigward m’għandux jiġi aċċettat.
  • Fil-każ tal-programm imxandar fis-7 ta’ Marzu 2011, jirriżulta li l-istazzjon stieden lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u lill-Ministru tal-Ġustizzja u Intern u Lecturer mill-Universita` ta’ Malta biex jieħdu sehem fil-programm.  Ġew inklużi wkoll Voice Clips u intervisti bit-telefon ma’ numru ta’ personalitajiet oħra.  L-istazzjon stieden ukoll lis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista u dan ma setgħax jaċċetta l-istedina.  Hija l-opinjoni tal-Awtorita` li ġaladarba l-istazzjon, kif kien fid-dover li jagħmel, ħass li mal-opinjonijiet minn naħa tal-Gvern kellhom jiġu nklużi wkoll l-opinjonijiet tal-Oppożizzjoni / Partit Laburista, kellu żmien biżżejjed biex jistieden rappreżentant ieħor tal-Partit Laburista, li f’dan il-każ kien ikun aktar indikat li jiġi mistieden il-kelliemi tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin jew il-kelliemi tal-Oppożizzjoni għall-Intern.  Il-fatt li l-istazzjon naqas li jestendi din l-istedina kif kien obbligat jagħmel, ikkawża żbilanċ fil-programm u għalhekk l-ilment tal-Parit Laburista fir-rigward ta’ dan il-programm qed jiġi aċċettat.
  • Minħabba l-oltranza taż-żmien ma kienetx tinħass il-ħtieġa ta’ rimedju għal dan l-ilment.