TVM - News - 13 ta’ Ġunju, 2016




Ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista rigward TVM News tat-13 ta’ Ġunju, 2016

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 20 ta’ Ġunju 2016 rigwardanti TVM News tat-13 ta’ Ġunju, 2016 fejn il-Partit allega li fir-rapport dwar il-kawża ta’ libell mid-Deputat Toni Bezzina rigwardanti rapporti dwar allegat xogħol minn impjegati mal-Gvern fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żurrieq u s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati dwar l-istess, l-istazzjon iċċensura dak li kien qal l-istess Partit filwaqt li rrapporta fit-tul il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista dwar l-istess każ.

L-Awtorità semgħet lis-Sur Matthew Bonett Direttur Informazzjoni li kien akkumpanjat mill-Avukat Matthew Paris f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Ltd, li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd, f’seduta li nżammet il-Ħamis 21 ta’ Lulju, 2016.

Minn naħa tiegħu l-Avukat Matthew Paris irrileva illi filwaqt li l-Partit kien jifhem u jirrispetta l-prinċipju u d-dritt tal-Editur tal-istazzjon li jiddeċiedi u jiddetermina l-valur ta’ aħbar, madanakollu dan ma kienx ifisser li dan id-dritt kien illimatat iżda kellu jkun eżerċitat f’ċerti parametri.

Dr Paris filwaqt li rrefera għal deċiżjoni preċedenti tal-Awtorità diversament komposta rigward rapport dwar Konferenza tal-Aħbarijiet minn dak iż-żmien l-Onorevoli Gino Cauchi dwar trattament inġust, fejn l-Awtorità kienet laqgħet l-ilment tal-Partit Laburista u ddeċidiet li kien hemm obbligu fuq l-istazzjon li jirraporta b’mod ekwu u ġust u li dan jirrispekkja dak li verament seħħ.

Dr Paris qal li fil-każ odjern hekk kif il-PBS iddeċieda li kien jeżisti valur t’aħbar allura dan kellu l-obbligu li jxandar immedjatament dak li kellu xi jgħid il-Partit Nazzjonalista bl-aktar mod ampju. Żied li punt kruċjali f’dan il-każ kien jirreferi għax-xhieda fil-Qorti fejn ġie żvelat li ħaddiem li kien involut fil-każ kien għamel affidavit fiċ-Centru Nazzjonali tal-Partit Laburista, element li fir-rapport tal-PBS ma kienx inkluż.

Dr Paris qal li l-fatt li l-PBS irrefera għal dan il-punt f’rapport dwar aħbar sussegwenti kien jindika kemm fil-fatt dan kellu valur t’aħbar u bħala tali kellu jkun inkluż qabel meta l-istazzjon irrapporta l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-każ. Dr Paris qal li in oltre fir-rapport tiegħu l-istazzjon iddeċieda li jaqleb l-ordni ta’ preferenza b’tali mod li tnaqqset l-importanza tal-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Paris qal li f’dan il-każ minkejja li d-diskrezzjoni tal-Editur kellha tiġi rispettatat ir-rappurtaġġ ta’ PBS ma kienx wieħed ekwu u ġust fil-konfront tad-Deputat Toni Bezzina u tal-Partit Nazzjonalista u fil-mument li l-istazzjon iddeċieda li jxandar l-aħbar kellu l-obbligu li ma jkunx selettiv u jxandar b’mod immedjat. Żied li f’dan il-kuntest il-PBS naqas li jirraporta dak li kien qal il-Partit Nazzjonalista.

Minn naħa tiegħu Dr Mark Vassallo f’isem il-PBS Ltd ikkontenda illi ma kien hemm l-ebda dubbju dwar id-dritt ta’ diskrezzjoni tal-Editur tal-istazzjon u l-Awtorità m’għandiex tiddisturba d-deċiżjoni tal-istess f’dan is-sens jew il-mod kif jinkiteb skript. Żied li meta wieħed jaqra s-sentenza tal-Qorti u dak li qal il-Maġistrat isib li r-rapport tal-PBS kien ġust u mill-provi ħareġ ċar li s-Sur Bezzina kellu sehem attiv u kien ġiegħel nies jiffirmaw dikjarazzjoni ġuramentata.

Dr Vassallo qal li f’dan il-każ l-istazzjon kellu dritt ikun selettiv madanakollu jekk ir-rapport tal-istazzjon jirrispekkja l-punti importanti tas-sentenza u dak li kien qal il-Maġistrat allura l-ilment tal-Partit Nazzjonalista ma kienx jissussisti.

Wara li l-Awtorità semgħet il-partijiet ikkunsidrat is-segwenti:

L-Att Dwar ix-Xandir jitkellem b’mod l-aktar ċar dwar akkuratezza u imparzjalità. Paragrafu 4.5 tal-Avviż Legali 350.14 dwar Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar Bulletini tal-Aħbarijiet u programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti jitlob li xandar irid jagħmel ħaqq lill-medda sħiħa ta’ fehmiet u perspettivi li fihom jinstemgħu fehmiet opposti.

Sew mis-sottomissjonijiet tal-partijiet kif ukoll mir-rapport tal-moniteraġġ tal-bulletin tal-aħbarijiet, joħroġ b’mod l-aktar ċar li l-perspettivi u l-veduti kollha f’din l-istorja ġew imxandra. Essenzjlament f’din l-istorja, l-istazzjon kellu l-obbligu li jwassal u jirrapporta tliet avvenimenti distinti imma relatati u ċioe, il-konferenza tal-aħbarijiet mgħotija mill-Partit Laburista, l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista u s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati dwar il-każ ta’ libell.

L-istess Avviż Legali Dwar Ħtiġijiet li Japplikaw Għall-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti jindika li imparzjalita ma tfissirx bilanċ matematiku ta’ ħin imma lix-xejriet opposti jkunu rappreżentati. Dan jidher li seħħ fil-każ in kwistjoni.

In oltre, hekk kif huwa ben risaput u rikonoxxut l-għażla dwar dak li jikkostitwixxi valur t’aħbar u l-mod kif tkun ippreżentata l-istorja huma fid-diskrezzjoni tal-Editur u ġaladarba l-Awtorità hija sodisfatta li n-naħat fil-kwistjoni ġew rappurtati, ma tħossx li f’dan il-każ għandha tintervjeni u għalhekk tikkonkludi u tiddeċiedi li l-ilment ma jirriżultax.

Illum id-29 ta’ Lulju, 2016