TVM - News - 22 ta’ Lulju, 2015




Deċiżjoni dwar Ilment mill-Partit Laburista rigward il-Bulettin tal-Aħbarijiet ta’ TVM Imxandar fit-22 ta’ Lulju, 2015

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista datat 27 ta’ Lulju, 2015 rigward l-aħbarijiet ta’ TVM tat-22 ta’ Lulju, 2015 fejn il-Partit ikkontenda li l-istazzjon naqas milli jirrapporta Konferenza tal-Aħbarijiet tal-istess Partit fejn dan ta l-veduti tiegħu dwar il-kwistjoni ‘ta’ natura politika kurrenti’ li l-Partit Nazzjonalista kien kontra li l-istudenti tal-MCAST jiksbu Degrees u Masters billi jsegwu kors ta’ studji fl-istess istituzzjoni, liema nuqqas skont l-istess Partit kien irriżulta fi żbilanċ fil-konfront tiegħu u għaldaqstant kien qed jitlob rimedju.

L-Awtorità semgħet lis-Sinjuri Gino Cauchi Kap Eżekuttiv u Nigel Vella Koordinatur tal-Komunikazzjoni f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Laburista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd li kien assistit minn Dr Yanica Caruana f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd, f’seduta li nżammet fit-28 ta’ Lulju, 2015.

Is-Sur Nigel Vella qal li fil-fatt għall-Konferenza tal-Aħbarijiet in kwistjoni l-istazzjon kien bagħat ġurnalist li hekk kif wasal il-ħin għad-domandi dan telaq. Żied li ma kienx jaqbel ma’ dak li kien qal fir-risposta tiegħu l-istazzjon u ċioe’ li l-argumenti riflessi fl-istess konferenza kienu diġà ġew koperti meta dan xandar Konferenza tal-Aħbarijiet oħra mill-Ministru tal-Edukazzjoni l-jum ta’ qabel.

Minn naħa tiegħu is-Sur Reno Bugeja qal li l-istazzjon kien jevita r-ripetizzjoni u għal dan il-għan kellu policy li ma jirrappurtax kull ma jingħad. Żied li fil-fatt il-Partit Nazzjonalista wkoll kien ħareġ stqarrija dwar l-istess suġġett li ma ġietx imxandra. Is-Sur Bugeja qal li minkejja li kien hemm ġurnalist tal-PBS Ltd fuq il-post kien deċiż li ma kienx hemm element ta’ valur t’aħbar li kien jitlob li jiġi mxandar. Żied li in oltre il-Prim Ministru kien għamel riferenzi għas-suġġett waqt intervent fuq ir-radju l-Ħadd, ta’ wara li minn tagħhom tiegħu li l-istazzjon kien irrapporta.

Wara li semgħet u ddiskutiet fid-dettal is-sottomissjonjiet taż-żewġ partijiet, l-Awtorita` iddeċidiet kif ġej:

  • L-għażla tal-istejjer dwar x’jiġi mxandar jew le hija dejjem dik tal-istazzjon u dan konsonanti mal-provvedimenti tal-Liġi Sussidjarja 350.14, u għal darb’oħra l-Awtorita` ssostni li bl-ebda mod ma trid tusurpa għaliha dan id-dritt tal-għażla.
  • Fil-każ in kwistjoni l-Awtorità qablet ma’ dak li ssottometta l-istazzjon li l-kontenut prinċipali tal-konferenza stampa ndirizzata mis-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista u mill-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, ma kellux valur ta’ aħbar aktar minn dak li ġie rrapurtat il-ġurnata ta’ qabel f’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-istess suġġett mogħtija mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo.
  • Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorita` iddeċidiet li ma kien jirriżulta ebda żbilanċ imwettaq mill-PBS kif ġie allegat fl-ilment tal-Partit Laburista, u għal din ir-raġuni l-ilment ma kienx qed jintlaqa’.

Illum 30 ta’ Lulju, 2015