TVM - The Wedding Battle - 5 ta’ Novembru, 2013




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm The Wedding Battle li xxandar fil-5 ta’ Novembru, 2013 fejn ġie allegat ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta f’waqt minnhom, iż-żewġ parteċipanti nisa ntalbu jieħdu sehem f’logħba li fiha kellhom ibiddlu tyre ta’ karozza. Din il-logħba saret on location għand Meli Car Rentals Ltd. u dan deher fl-introduzzjoni tas-Sur Meli mal-parteċipanti.  Ftit sekondi wara ħareġ reklam split screen ta’ Meli Car Rentals, u dan bi ksur tal-leġislazzjoni dwar separazzjoni ta’ kontenut u reklamar.  Barra minn hekk, wara din ir-rokna tal-logħba xxandar reklam ta’ Meli Car Rentals, liema reklam kien l-ewwel wieħed minn sensiela ta’ reklami.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u lis-Sinjuri Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-3 ta’ Diċembru, 2013. 

Minn naħa tiegħu is-Sur Vella Haber filwaqt li ammetta l-akkuża, iddikjara li dan kien proġett ġdid għall-produzzjoni li hija aktar sinonima mal-ġeneru tad-Drama u kien evidenti li kien għad hemm inċertezzi fl-interpretazzjoni tal-provvedimenti tal-liġi minn naħa tal-istess produtturi.

Żied li l-produzzjoni riedet taderixxi b’mod sħiħ mar-regolamenti viġenti f’dan il-qasam madanakollu kien preokkupat bil-fatt li l-informazzjoni li kien qed jingħata b’konnessjoni mar-regolamenti u l-interpretazzjoni tagħhom ma kienitx qed tkun ċara biżżejjed u talab aktar għajnuna f’dan il-qasam.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż tal-fatt li l-istazzjon kien ammetta l-akkuża u għaldaqstant iddeċidiet li l-akkuża kienet tirriżulta madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm u li jidher li kienu diġà ttieħdu passi neċessarji mill-produtturi iddeċidiet li flok timponi l-penali din kellha twiddeb lill-istess sabiex ma jirrepetix tali nuqqas. 

llum 9 ta’ Diċembru, 2013