TVM - TVPM - 14 ta' Marzu 2014




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar l-edizzjoni tal-programm TVPM li xxandar fl-14 ta’ Marzu, 2014 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm kien hemm rokna meqjusa edukattiva ta’ madwar 15-il minuta li fiha ingħataw dettalji dwar ilbiesi partikolari u li skont l-akkuża il-mod ta’ preżentazzjoni bid-dettalji li ingħataw kien jikkostitwixxi rokna ta’ telebejgħ.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Mario Micallef għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sinjura Jordan DeGiorgio f’isem il-produzzjoni u lis-Sur Philip Camilleri li deher f’isem l-awtur tar-rokna.

Minn naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv filwaqt li ta dettalji dwar il-motivazzjoni wara l-akkuża, irrijafferma l-importanza li l-Kummissjoni Ewropeja kienet qed tagħti lil dan il-qasam u b’mod partikolari għal ksur tad-Direttiva tagħha.

Is-Sur Micallef min-naħa tiegħu qal li din ir-rokna kienet intenzjonata li tagħti tagħrif dwar il-moda u kienet edukattiva. Żied li l-preżentazzjoni tagħha kienet diskussa minn qabel ma’ uffiċjali tal-Awtorità u kien ingħata l-clearance u kien hemm qbil dwar il-kontenut tagħha. 

Dwar dan is-sur Micallef intalab jikkonferma jekk tali clearance kienx ingħata bil-miktub kif normalment isir jew le, u s-Sur Micallef irrisponda fin-negattiv.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet diġà rat il-filmat relattiv iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u peress li din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati iddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ elfejn tliet mija u tletin Ewro (€2,330) li kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.

Illum 18 ta’ Lulju, 2014