NET TV - Proprjetà - 9 ta' Novembru 2023




Deċiżjoni dwar l-akkuża mressqa kontra Media Link Communications Ltd dwar il-programm Proprjetà tad-9 ta’ Novembru 2023 li xxandar fuq NET TV.

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv kontra Media Link Communications Ltd dwar il-programm Proprjetà ta’ nhar id-9 ta’ Novembru 2023 li xxandar fuq NET TV. Matul l-ewwel parti ta’ dan l-episodju twassal tagħrif dwar kif tiġi rinnovata kamra tal-banju. Matul il-filmati ntwerew diversi tipi ta’ madum f’showroom bil-logo u l-prezz. Matul l-istess programm sar ukoll reklam għal  ‘Maduma Home Interiors’. Għalhekk sar ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, Kap. 350 tal-liġijiet ta’ Malta, billi ż-żewġ partijiet ma baqgħux distingwibbli.

 

Fit-tieni parti tal-programm ixxandret intervista mal-interior designer Jade BØye u fl-istess programm kien hemm sponsor ta’ BØye Designs & Projects, u għalhekk inħolqot assoċjazzjoni evidenti bejn l-aspett kummerċjali u l-kontenut editorjali. Saru wkoll diversi referenzi oħra dwar ksur ta’ Art.16K(1)(a) ta’ Kap.350.

 

L-istazzjon, permezz tas-Sur Karl Gouder, Chief Operations Officer u s-Sinjura Rebecca Toutoungi, għażel li jidher għas-smigħ ta’ din l-akkuża li saret fl-4 ta’ Diċembru 2023.

 

Il-Kap Eżekuttiv tat sfond tal-akkuża u tad-dispożizzjonijiet legali referuti.

 

Is-Sur Karl Gouder, Chief Operations Officer, ammetta dak kollu li kien  intqal mill-Kap Eżekuttiv u talab lill-Bord jifhem li din kienet l-ewwel darba li l-producer kienet qed ittella’ dan il-programm. Qal li Media Link fehem in-nuqqasijiet u li fi programmi futuri dawn in-nuqqasijiet se jiġu ndirizzati. Hu wiegħed li l-producer se tkun qed tara li taderixxi ma’ Kap 350 u li Media Link se tagħmel l-almu tagħha biex dan ma jerġax isir.

 

Wara li kkunsidra l-fatti miġjuba quddiemu u kkunsidra l-istess ammissjoni tal-istazzjon, il-Bord sab lill-istazzjon ħati taż-żewġ akkużi. Iżda rat ukoll li din kienet l-ewwel darba ta’ din id-dar tal-produzzjoni li kien hemm ksur u għaldaqstant iddeċidiet li tingħata twissija. Fid-dawl ta’ dan, il-Bord talab lill-istazzjon jaderixxi mal-istess promessi tiegħu ta’ attenzjoni addizzjonali għall-aderenza mad-dispożizzjonijiet.

 

12 ta’ Dicembru 2023

Smigħ 15/2023 Numru 9

Ref: 64/01